Muscat ingħata pakkett finanzjarju ta' €120,000 meta rriżenja minn Prim Ministru

Dan ifisser li Muscat ħa daqskemm Prim Ministru jieħu f'paga f'sentejn

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat rċieva pakkett ta' €120,000 fi tmiem it-terminu tiegħu bħala Prim Ministru. Dan ifisser li Muscat ħa daqskemm Prim Ministru jieħu f'paga f'sentejn.

Skont The Shift News, Muscat irċieva pagament ta' €120,128.40 u dan apparti l-onorarja tiegħu bħala Membru Parlamentari li baqa' jirċievi sa Ottubru 2020, meta kien irriżenja minn Deputat.

Din l-għotja kienet tkopri l-perjodu li hu għamel bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Prim Ministru, jiġifieri minn Ottubru 2008 sa Jannar 2020.

Dan il-pagament ingħata lil Muscat bħala parti mill-iskema li kienet introdotta fi żmien Gvern Nazzjonalista fl-2004. Il-Prim Ministru kollha, il-Ministru, is-Segretarji Parlamentari u l-Kapijiet tal-Oppożizzjoni huma intitolati għal dan il-benefiċċju meta jtemmu l-kariga tagħhom.

Il-metodu li bih ikun ikkalkulat dan il-benefiċċji kien ippreżentat fl-2008 f'dokument li kien tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, mill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Lawrence Gonzi. Madanakollu ma sarx magħruf jekk dan il-metodu kienx aġġornat.

Id-dokument jispjega kif il-Prim Ministru huma intitolati li jirċievu benefiċċji (meta jtemmu l-kariga) li jkun ekwivalenti għal xahar paga għal kull sena li fiha jkunu baqgħu fil-kariga. Madanakollu hemm minimu stabbilit, li huwa ekwivalenti għal sitt xhur paga.

Fis-sena, Prim Ministru jaqla' €56,880, apparti allowances oħra li jammontaw għal €441.

More in Politika