Green pass, coronapas, ċertifikat tal-vaċċin: It-triq ‘il quddiem biex jinfetħu t-turiżmu u l-attivitajiet

Filwaqt li l-Unjoni Ewropea se tistenna sa Lulju għall-introduzzjoni tad-Digital Green Pass, diversi pajjiżi membri u oħrajn ħarġu b’ċertifikati, passaporti jew sistemi oħra li qed jużawhom mhux biex jiftħu biss it-turiżmu imma anke l-ħajja soċjali. L-ILLUM tħares lejn sitt pajjiż li daħlu fis-seħħ dawn is-sistemi u tispjega għaliex qed jintużaw dawn iċ-ċertifikati

Issa t-triq lura lejn in-normalità qed tidher xi ftit jew wisq aktar ċara meta l-Gvern nieda ċ-ċertifikat tal-vaċċin li mhux se jkun qed jintuża biss f’każ ta’ safar, imma anke biex ikunu jistgħu jiġu organizzati attivitajiet li sa issa, minħabba l-pandemija ma setgħux isiru.

Fil-fatt, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal ċar u tond li ċ-ċertifikat tal-vaċċin, ġaladarba Malta mxiet ħafna ‘il quddiem fejn jidħol it-tilqim, se jippermetti li jiġu organizzati attivitajiet li f’pajjiżi oħra ma jistgħux isiru għax ma għandhomx is-saħħa tal-popolazzjoni protetta daqs dik ta’ Malta.

Sa issa, ma ngħatawx dettalji x’jistgħu jkunu dawn l-attivitajiet “ikkontrollati u limitati.” Id-dettalji dwarhom mistennija jingħataw għada.

Madanakollu, hemm pajjiżi oħra li wkoll daħlu tipi differenti ta’ ċertifikat (anke jekk mhux esklussivi għall-vaċċin) u li kien strumentali biex jibdew jonqsu r-restrizzjoniiet hekk kif issa kulħadd qed jittama li jkollu sajf tajjeb, wara xhur sagrifiċċji. 

F’dan l-artiklu, il-gazzetta ILLUM se tkun qed tħares lejn uħud minn dawk il-pajjiżi li wkoll qed jużaw xi forma jew oħra ta’ ċertifikat tal-Covid-19, anke għax dawn se jkunu importanti issa li s-settur turistiku huwa mistenni li jibda jerġa’ jieħu r-ruħ. 

Danimarka: Il-Coronapas validu mhux għal min tlaqqam biss

Id-Danimarka kienet fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa li nediet ċertifikat tal-vaċċin li ssemma Coronapas. 

Dan il-passaport diġitali jinkludi dettalji dwar jekk persuna tkunx tlaqqmet kompletament, iżda mhux biss. Fil-fatt, persuna li tkun fieqet mill-Covid-19 bejn ħmistax u 12-il ġimgħa qabel jew inkella jkollha f’idha test negattiv għall-Covid-19 li jkun sar fis-72 siegħa ta’ qabel, ukoll jista’ jkollha l-Coronapas.

Dan iċ-ċertifikat iddaħħal fis-seħħ fil-bidu ta’ April u seta’ minnufih jintuża biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jidħlu fi stabbilimenti li qabel kienu magħluqa, fosthom biex imorru għand il-ħwienet tax-xagħar u tas-sbuħija.

Aktar tard, dan iċ-ċertifikat beda jintuża wkoll biex persuna tidħol fil-mużewijiet, it-teatri jew saħansitra biex tmur tiekol fir-ristoranti jew tagħmel l-eżerċizzju f’gym, li fetħu mill-ġdid fil-bidu ta’ Mejju. 

Bis-saħħa ta’ dan iċ-ċertifikat, setgħu jinfetħu wkoll l-istadiums.  

Negozji jew stabbilimenti li jaċċettaw klijenti li ma jkollhomx ‘Coronapas’ validu kienu mwissija li jekk jinqabdu jistgħu jeħlu multa ta’ €400 u sa €6,000 jekk jiksru r-regola aktar minn darba. Il-klijenti wkoll jistgħu jkunu mmultati €330.

Matul l-aħħar jiem, dan iċ-ċertifikat ġie aġġornat biex issa jista’ jitniżżel permess ta’ App. Il-persuni li huma intitolati għalih se jkollhom QR code li jkun jista’ jinqara mill-operaturi ta’ dawn l-istabbilimenti msemmija.

Għall-kuntrarju taċ-ċertifikat li kien qed jintuża fl-aħħar ġimgħat, meta operatur jiskenja dan il-kodiċi, mhux se jkun qed jingħata dettalji dwar it-tilqima jew it-testijiet li tkun għamlet il-persuna, iżda sempliċiment jimmarka jekk iċ-ċertifikat huwiex validu jew le. 

Dan sar ukoll bil-għan li l-Coronapas ikun jista’ jintuża għas-safar. 

Franza: Ċertifikat biex jinfetħu l-kunċerti, l-istadiums u l-attivitajiet

Minkejja li s-sitwazzjoni fi Franza għadha ‘l bogħod minn dik mixtieqa, għax it-trasmissjoni tal-virus għadha qawwija, mid-9 ta’ Ġunju, il-Franċiżi se jkunu jistgħu jibdew jużaw ċertifikat tal-Covid-19 li tnieda fil-jiem li għaddew, minkejja kritika kbira, anke fil-Parlament. 

Dan iċ-ċertifikat se jkun qed jintuża għal diversi raġunijiet, inkluż għas-safar u biex ikunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru kunċerti jew inkella biex partitarji jkunu jistgħu jattendu attivitajiet sportivi, apparti raġunijiet ta’ safar.

Iċ-ċertifikat, li jitniżżel mill-App TousAntiCovid se jkollu QR Code li jkun jinkludi informazzjoni dwar jekk persuna tkunx imlaqqma, tkunx fil-pussess ta’ riżultat negattiv ta’ PCR test li jkun sar fis-72 siegħa ta’ qabel u jekk persuna tkunx fieqet mill-Covid-19 fis-sitt xhur ta’ qabel. 

Dan se jkun strumentali biex jinfetħu dawk l-istabbilimenti, bħalma huma t-teatri jew l-istadiums.

Iċ-ċertifikat irid jintuża wkoll bilfors fil-każ ta’ festivals u attivitajiet li jkunu se jiġbru flimkien aktar minn 1,000 persuna. Mhux se jkun qed jintuża biex persuna tidħol fi ħwienet jew ristoranti.

Madanakollu, hekk kif mid-9 ta’ Ġunju ir-ristoranti se jkunu jistgħu jservu lin-nies fuq ġewwa, mill-istess App, persuna se tkun tista’ tiskenja QR code ieħor li jipprovdi lill-istabbilimenti dettalji tal-kuntatt tal-persuna. 

Ristorant jista’ jagħżel li ma jipprovdix servizz lil dawk il-klijenti li ma jkunux iridu jipprovdu din l-informazzjoni.

Ġermanja: Ċertifikat tal-vaċċin sal-aħħar ta’ Ġunju

Il-Ġermanja wkoll se tintroduċi ċertifikat tal-vaċċin. Bħal fil-każ ta’ Malta, il-Ġermanja se tkun qed tagħti dan iċ-ċertifikat lil dawk il-persuni li jkunu tlaqqmu kompletament kontra l-Covid-19.

Bħalissa, il-Ġermanja qed tippreżenta ‘ċertifikat’ fuq kartuna safra, lil dawk il-persuni li jkunu tlaqqmu kompletament, iżda issa se tkun qed tipprepara dan iċ-ċertifikat b’mod diġitali wkoll.

Dan iċ-ċertifikat se jkun jinkludi informazzjoni bħalma hija d-data li fiha persuna tkun tlaqqmet kompletament kontra l-Covid-19 u anke t-tip ta’ vaċċin li tkun irċeviet. 

Dan se jkun jinkludi QR code għal kull persuna, liema QR code ikun jista’ jiġi skenjat mill-operaturi liċenzjati. 

It-tir tal-Ġermanja huwa li ċ-ċertifikat ikun disponibbli mill-aħħar ta’ Ġunju. Primarjament se jkun qed jintuża għas-safar, qabel ikun konkluż dak tal-Kummissjoni Ewropea. Sa issa ma ngħatawx dettalji dwar jekk dan iċ-ċertifikat hux se jintuża għal attivitajiet oħra. 

Madanakollu, ftit ftit, fl-aħħar ġimgħat, il-Ġermanja bdiet tiftaħ mill-ġdid is-settur kulturali. 

Iżrael: L-ewwel li daħħlet il-Green Pass u l-ewwel li neħħietu

L-Iżrael kien l-ewwel li daħħal fis-seħħ il-Green Pass, biex persuni li jkunu ħadu t-tilqima kollha jkunu jistgħu jidħlu fi stabbilimenti, inkluż fir-ristoranti. L-Iżrael kien ukoll l-ewwel pajjiż li waqqaf l-użu tal-Green Pass għal raġunijiet domestiċi hekk kif mill-1 ta’ Ġunju, tneħħew kważi r-restrizzjonijiet kollha.

Fil-fatt, l-Iżraeljani issa ma għandhomx bżonn aktar prova li ħadu l-vaċċin biex jidħlu fi stabbilimenti. Tneħħew ukoll il-limitazzjonijiet fuq il-ħwienet u r-ristoranti, biex issa jistgħu idaħħlu nies skont kemm jesgħu.

Il-Ministru għas-Saħħa Yuli Edelstein qal li sitt xhur wara li beda t-tilqim, l-Iżrael kellu l-aqwa programm fid-dinja u issa jista’ jibda jgawdi mir-riżultati.

L-uniku restrizzjonijiet li se jibqgħu fis-seħħ huma l-ilbies tal-maskri fuq ġewwa, liema miżura, eventwalment, mistennija titneħħa wkoll fil-ġimgħat li ġejjin u anke l-kwarantina għal dawk il-persuni mhux imlaqqma u li jidħlu fil-pajjiż. 

Aktar minn 70% ta’ dawk li għandhom ‘il fuq minn 20 sena, issa huma mlaqqma kompletament. Fil-jiem li ġejjin, l-Iżrael mistenni jibda jagħti l-vaċċin ukoll lil dawk li għandhom ‘il fuq minn 12-il sena. 

Greċja u Turkija: Jaqblu minnufih li jirrikonoxxu ċ-ċertifikati ta’ xulxin

Kemm il-Greċja u anke t-Turkija, ukoll daħlu fis-seħħ ċertifikat tal-Covid-19 bil-għan li jiftħu mill-ġdid it-turiżmu. Fil-fatt, iż-żewġ pajjiżi qablu li jirrikonoxxu ċ-ċertifikati rispettivi li daħlu fis-seħħ, bil-għan li jippermettu l-ivjaġġar bejniethom.

Fil-fatt, iċ-ċittadini miż-żewġ pajjiżi se jkunu jistgħu jsiefru kemm jekk ikollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin jew inkella jkunu għadhom kemm għamlu PCR test. 

It-tir huwa li dawn iċ-ċertifikati, eventwalment, ikunu rikonoxxuti wkoll minn pajjiżi oħra.

Kemm it-Turkija u anke l-Greċja jiddependu ħafna mit-turiżmu u ż-żewġ destinazzjoniijet saru popolari mal-Maltin. 

Ta’ min isemmi li l-Greċja kienet fost l-ewwel pajjiżi li bdiet tiftaħ mill-ġdid għat-turiżmu biex issalva s-sajf u fost l-aktar li ħeġġet għal ċertifikat komuni biex jiffaċilita l-ivjaġġar fl-Unjoni Ewropea. 

Il-Prim Ministru Kyriakos Mitsotakis insista li ċ-ċertifikat ma fih xejn speċjali, huwa sempliċi u jinkludi l-informazzjoni kollha neċessarja li stat membru għandu bżonn biex jilqa’ lit-turisti mingħajr ma jimponi aktar restrizzjonijiet. 

Renju Unit: Proġetti piloti biex iċ-ċertifikat tal-vaċċin jintuża għal attivitajiet tal-massa

Ir-Renju Unit ukoll introduċa ‘passaport’ tal-Covid li jista’ jitniżżel mill-app tal-NHS (National Health Service) minn dawk il-persuni li jkunu tlaqqmu. Dan bil-għan li jkunu jistgħu jsiefru.

Ir-restrizzjonijiet dwar l-ivjaġġar naqsu anke jekk lejn numru limitat ħafna ta’ pajjiżi jew territorji. Lejn dawn il-pajjiżi, l-Ingliżi jistgħu jivjaġġaw mingħajr il-bżonn li jagħmlu kwarantina meta jirritornaw.

Apparti l-ivjaġġar, il-Gvern Ingliż bħalissa qed jistudja l-possibbilità li jibdew jiġu organizzati attivitajiet kbar, bħal kunċerti u l-parties u li għalihom ikun jista’ jintuża dan il-passaport.

Fil-fatt bħalissa qed isiru diversi proġetti piloti madwar il-pajjiż, bħalma seħħ fl-aħħar ġimgħat f’Liverpool.

Sa issa, dawn l-istudji qed jiffokaw fuq kif id-distanza soċjali, il-ventilazzjoni u t-testijiet jistgħu jintużaw kollha biex l-attivitajiet isiru xorta waħda u jitnaqqas ir-riskju.

Mhux eskluż li ‘l quddiem, l-istess studji jibdew janalizzaw l-użu ta’ dan il-passaport biex ikun jistgħu jinfetħu dawn l-attivitajiet. 

Ma hemm l-ebda liġi li tgħid li persuna trid tippreżenta dan il-passaport tal-vaċċin biex tmur f’pub jew ristorant. 

Madanakollu, il-Gvern Ingliż saħaq li negozju jew stabbiliment, sakemm ma jiksirx liġijiet ta’ ugwaljanza, jista’ jagħżel li jitlob dan il-passaport.

More in Politika