Għada se jitħabbru l-attivitajiet li se jinfetħu għal dawk li jkollhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin

Id-dettalji mistennija jingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura Jose Herrera u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci

Għada l-Gvern mistenni jħabbar liema attivitajiet se jkunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru għal dawk li jkollhom f'idhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Ħabbar dan dalgħodu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt konferenza li matulha nieda faċilità ġdida għall-kura tas-saħħa mentali f'Raħal Ġdid.

Fil-fatt, id-dettalji mistennija jingħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Kultura Jose Herrera u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci.

Skont il-Ministru Fearne, dan se jkun jippermetti li ftit ftit, il-ħajja soċjali u kulturali, tibda tirritorna għan-normalità.

Fearne qal li Malta għadha fuq quddiem nett fejn jidħol it-tilqim u qed tkun minn tal-ewwel li tnaqqas ċertu restrizzjonijiet. Qal li d-deċiżjonijiet li ħa l-Gvern sa issa qed jidhru li huma effettivi, hekk kif il-każi baqgħu baxxi minkejja r-rilaxx ta' ħafna mir-restrizzjonijiet. 

Ikkonferma wkoll li sal-lum, 56% tal-popolazzjoni adulta hija mlaqqma kompletament, filwaqt li 76% ħadu mqar doża waħda.

Qal ukoll li sa issa tniżżlu 60,000 ċertifikat tal-vaċċin mit-tnedija tiegħu l-ġimgħa li għaddiet.

More in Politika