Il-Kummissarju Reynders ma jaċċettax li jintervjeni u jibgħat lill-aħwa Degiorgio għand il-Europol

L-aħwa Alfred u George Degiorgio kienu bagħtu ittra lill-Kummissarju Didier Reynders illi fiha implikaw lil Chris Cardona u Carmelo Abela fis-serqa tal-HSBC fl-2010

Il-Kummissarju Ewropew Didier Reynders ma aċċettax li b'xi mod jintervjeni fit-talba tal-aħwa Degiorgio għal maħfra Presidenzjali, wara li dawn bagħtulu ittra illi fiha allegaw illi l-Gvern Malti ma tahomx din il-maħfra għax huma jgħidu li jistgħu jikxfu kif l-eks Ministru Chris Cardona u l-Ministru Carmelo Abela kienu kompliċi fis-serqa tal-HSBC fl-2010, fost oħrajn. 

L-aħwa George u Alfred Degiorgio qed ikunu akkużati illi kienu parti mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia billi esegwew l-istess assasinju permezz ta' bomba li allegatament waħħlu mal-karozza u li allegatament kienet magħmula mill-aħwa tal-Maksar, li wkoll qed jiffaċċjaw akkużi quddiem il-Qorti fuq dan il-każ. 

"Filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax tikkumenta fuq investigazzjonijiet nazzjonali, hija dejjem ssottolineat l-importanza ta' investigazzjoni indiendenti u estensiva li tkun 'l bogħod minn kull forma ta' indħil politiku," qal Didier lill-avukat tal-aħwa William Cuschieri.  Huwa qal illi l-Kummissjoni emfasizzat dejjem illi dawk responsabbli jeħtieġ jitressqu quddiem il-ġustizzja kemm jista' jkun malajr, imma dan xorta ma jfissirx li l-Kummissjoni tista' tindaħal fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja ta' pajjiż.

Għalhekk Reynders qal li l-Kummissjoni ma tistax issegwi l-każ tagħhom u tintervjeni, imma minflok bagħtet lill-aħwa għand il-Europol, li bħalissa qed taħdem mal-Gvern fl-investigazzjonijiet fil-qtil ta' Caruana Galizia. 

Il-Gvern Malti kien ċaħad il-Maħfra Presidenzjali lill-aħwa Degiorgio u fi stqarrija qal illi b’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kabinett ddeċieda li jagħti l-parir lill-President tar-Repubblika biex ma jilqax it-talba għall-proklama.

"Id-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija wkoll fl-interess nazzjonali u l-ġustizzja," kompliet l-istqarrija.

 

More in Politika