Il-Kabinett jiddeċiedi kontra l-maħfra presidenzjali għall-aħwa Degiorgio; Miċħuda proklama oħra għall-Koħħu

Il-Ministru Carmelo Abela għażel li ma jkunx preżenti għal din id-deċiżjoni anke jekk qed jibqa' jiċħad li b'xi mod kellu sehem fis-serqa tal-HSBC kif implika d-Deputat Jason Azzopardi

Dalgħodu, il-Kabinett iddeċieda li l-aħwa Alfred u George Degiorgio ma jingħatawx il-maħfra presidenzjali. Iddeċieda wkoll li jiċħad it-tieni maħfra presidenzjali li talab Vince Muscat.

Fi stqarrija, il-Gvern saħaq li b’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kabinett ddeċieda li jagħti l-parir lill-President tar-Repubblika biex ma jilqax it-talba għall-proklama.

"Id-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija wkoll fl-interess nazzjonali u l-ġustizzja," kompliet l-istqarrija.

Apparti minn hekk, l-istqarrija qalet li qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru Carmelo Abela għażel li minħabba l-allegazzjonijiet li saru fuqu minn Jason Azzopardi, ma jkunx preżenti għad-deċiżjoni.

L-istqarrija qalet li l-Ministru Abela spjega kif ħa din id-deċiżjoni “minkejja li ma hemm ebda raġuni statutorja jew raġuni oħra biex nagħmel dan, iżda biss biex nevita li xi ħadd jogħġbu jixħet suspett ta’ imparzjalità jew dubju fil-ħidma tal-Kabinett.”

Għaliex kienu talbu l-maħfra presidenzjali l-aħwa Degiorgio?

Is-suspettati fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-aħwa Degiorgio, kienu talbu għall-Maħfra Presidenzjali, b'Alfred Degiorgio, magħruf bħala 'il-Fulu' jgħid illi huwa għandu informazzjoni li turi illi l-mandant fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia "kien Ministru" u jgħid ukoll illi kien hemm sensar ieħor f'dan l-assassinju, li fir-rigward tiegħu ma ngħatat ebda maħfra presidenzjali sa issa. 

Degiorgio flimkien ma' ħuħ u l-Koħħu, qed jimplikaw ukoll eks Ministru u Ministru kurrenti f'attentat ta' serqa - probabbilment b'referenza għall-attentat ta' serqa tal-HSBC fl-2010, li matulha kienu ġew sparati wkoll diversi tiri.

Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, huwa u jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa, diġà indika li Degiorgio kien qallu illi l-eks Ministru Chris Cardona kien imdaħħal fil-qtil ta' Caruana Galizia u qal li l-istess Degiorgio kien semmielu flus li allegatament għaddew mingħand Cardona. L-eks Deputat Mexxej Laburista qed jiċħad dan kollu.

Mhux l-ewwel darba li Cardona kien implikat, fosthom meta kienet waslet ittra għand Yorgen Fenech, meta dan kien għadu kemm ġie arrestat b'rabta mal-qtil tal-ġurnalista, biex jitfa' l-ħtija fuq l-eks Ministru. Allegatament, l-ittra kienet waslet għand Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri, permezz tat-tabib tagħhom Adrian Vella.

Id-Deputat Jason Azzopardi kien allega wkoll illi dakinhar tal-hold up tal-HSBC l-eks Ministru Chris Cardona ġie arrestat b'konnessjoni ma' dan ir-reat. 

Għaliex il-Koħħu talab maħfra oħra?

Vince Muscat, magħruf bħala 'Il-Koħħu' kien wieġeb ħati għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia bħala parti minn patteġġjament. Huwa ngħata sentenza ta' 15-il sena ħabs u anke ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop li kien seħħ fl-2015.

Fil-fatt, ftit wara li seħħ dan, kienu ġew arrestati l-aħwa tal-Maksar u anke l-ħabib tagħhom Jamie Vella, fejn fost oħrajn qed ikunu akkużati li pprovdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia, apparti l-involviment fil-qtil tal-Avukat Chircop.

Madanakollu, Vince Muscat, kien talab it-tieni maħfra presidenzjali biex jikxef informazzjoni dwar żewġ attentati ta' serqiet li ma ssolvewx u anke dwar assassinju ieħor.

X'kien allega Jason Azzopardi?

Anke jekk ħadd mill-irġiel imsemmija hawn fuq ma semma min huwa l-Ministru kurrenti li kien involut jew għen fis-serqa tal-HSBC, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien implika b'mod dirett lill-Ministru Carmelo Abela.

Huwa kien għamel dan wara battibekk bejn iż-żewġ Deputati fuq Facebook. Għal referenza minn Abela, dwar mawra li kien għamel f'Ġerusalemm, id-Deputat Azzopardi kien kiteb hekk: "aħjar il-qabar ta' Kristu, milli nkun kompliċi fil-hold up tal-HSBC.  Aħjar il-qabar ta' Kristu milli nkun kompliċi mal-moħħ tal-hold up billi naghti filmati ta' ġewwa l-bank u ċwievet foloz.  Aħjar il-qabar ta' Kristu milli nkun kompliċi f'hold up bil-wegħda ta' €300,000 mis-serqa."

Il-Ministru Carmelo Abela qed jiċħad dan kollu u saħansitra fetaħ libell kontra l-istess Jason Azzopardi.

More in Politika