L-aħwa Degiorgio jiktbu lill-Kummissarju Ewropew u jimplikaw lil Cardona u lil Abela 'f'reati serji'

Jisħqu li dwar Cardona għandhom informazzjoni dwar pjan biex tinqatel Daphne u dwar l-attentat ta' s-serqa tal-HSBC insistew li kien hemm involuti ż-żewġ politiċi u anke membri tal-Korp tal-Pulizija involuti

L-aħwa George u Alfred Degiorgio ma qatgħux qalbhom u kitbu lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja jakkużaw lill-Gvern b’kunflitt ta’ interess fl-assessjar tiegħu tat-talba li huma għamlu biex jingħataw il-maħfra presidenzjal. Insistew li l-Gvern ma jistax jiddeċiedi għax huma qed jimplikaw Ministru u eks Ministru f’reati.

Fl-ittra, l-aħwa Degiorgio jisħqu ma’ Didier Reynders li l-Gvern ċaħad it-talba tagħhom għax ma jridx li jisma x’għandhom xi jgħidu dwar l-involviment tal-eks Ministru Chris Cardona fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Ministru Carmelo Abela “f’reati serji,” fosthom għas-sehem tiegħu f’attentat ta’ serqa armata.

“Hemm kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li l-klijenti tiegħi qed joffru informazzjoni li turi l-involviment tal-istat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment ta’ ministri tal-Gvern f’reati serji u għalhekk, l-Istat, ma jista’ qatt jassessja t-talba li huma għamlu b’mod ġust,” kiteb l-Avukat William Cuschieri.

L-Avukat qal ukoll li l-klijenti tiegħu huma lesti li jiltaqgħu mal-Kummissarju jew ma’ persuna tal-fiduċja tiegħu, mal-membri tal-Europol, mal-Prim Ministru Robert Abela u mal-midja biex jispjegaw id-dettalji tal-informazzjoni li għandhom.

Dwar Cardona, l-aħwa qalu li lesti jagħtu dettalji tal-involviment tiegħu fi pjan, allegatament maħdum fl-2015, biex tinqatel Daphne Caruana Galizia. Dak iż-żmien, Cardona, kien Deputat Mexxej Laburista.

Qalu wkoll li għandhom id-dettalji dwar “l-involviment ta’ intermedjarju” li tqabbad minn Cardona fil-komplott oriġinali li eventwalment qatt ma seħħ. L-aħwa qalu li lestu jagħti d-data, il-ħin u l-post fejn il-Ministru ltaqa’ ma’ dan l-intermedjarju.

Qalu li għandhom ukoll informazzjoni dwar il-ħlas li Cardona qabel li jgħaddi biex iseħħ id-delitt u anke l-ewwel pagament li sar biex il-pjan seta’ beda jinħema.

Is-serqa tal-HSBC

Apparti minn hekk, qalu li lesti jikxfu informazzjoni dwar l-involviment ta’ Abela u Cardona f’reati oħra serji u jisħqu li huma fil-pussess ta’ evidenza li turi l-ismijiet u d-dettalji tal-imħuh warajhom.

Dwar l-attentat tas-serqa mill-HSBC, li seħħet fl-2010, William Cuschieri jgħid li l-klijenti tiegħu għandhom informazzjoni fuq il-ħinijiet u l-postijiet fejn saru l-laqgħat ta’ preparazzjoni. Qalu li għal dawn il-laqgħat attendew iż-żewġ politiċi (Cardona u Abela) membri tal-Pulizija u oħrajn.

Qalu li jafu wkoll id-dettalji tal-pagamenti li kellhom isiru mill-flus misruqa u kif dawn kellhom jinqasmu, kieku effettivament seħħet is-serqa.

Intant, it-Times of Malta tkellmet mal-Ministru Cardona li għal darb’oħra ċaħad kategorikament dawn l-akkużi. 

Min huma George u Alfred Degiorgio?

L-aħwa George u Alfred Degiorgio qed ikunu akkużati li wettqu l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Magħhom kien akkużat ukoll Vince Muscat 'il-Koħħu' li wieġeb ħati u wara patteġġjament ingħata sentenza ta' 15-il sena ħabs u anke l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak li jaf dwar il-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.

Eventwalment, wara l-maħfra presidenzjali lil Muscat, kienu ġew arrestati aktar persuni fosthom l-aħwa tal-Maksar u Jamie Vella, li kienu akkużati, fost oħajn, li pprovdew il-bomba li tpoġġiet fil-karozza ta' Caruana Galizia.

Kif qed iwieġeb Carmelo Abela?

Abela kien mgħajjat mill-Pulizija biex ikun mistoqsi xi mistoqsijiet wara li Alfred Degiorgio kien semma mal-Pulizija lill-istess Ministru. 

Fil-fatt kien sar magħruf li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ Abela, anke jekk il-Ministru qed jisħaq li mhux qed ikun investigat.

Fi żmien is-serqa, Abela kien jaħdem il-bank u kellu aċċess għat-tagħmir li bih isiru l-karti tal-aċċess li jkollhom l-impjegati. Il-Ministru kien ikkonferma dan hu stess meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-ħallelin, lura fl-2011, anke jekk hu ma jiftakarx li għamel dan. Aktar tard biddel din il-verżjoni u qal li kien mgħajjat jixhed bħala rappreżentant tal-bank.

Huwa kien fetaħ ukoll libell lid-Deputat Jason Azzopardi wara li dan kien implikah direttament fil-qtil. Kien allega li l-Ministru kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi lill-ħallelin filmati u anke karti tal-aċċess għall-bank. 

More in Politika