Abela mgħajjat id-depot wara li wieħed mill-aħwa Degiorgio isemmih b'rabta mas-serqa fl-HSBC

Carmelo Abela imur għand il-Pulizija u jgħid li wieġeb kull domanda 'għax m'ghandi xejn x'naħbi u rrid li toħroġ il-verità sħiħa' - Jakkuża lil Bernard Grech u lil Jason Azzopardi b'konfoffa mal-kriminali

Wieħed mill-aħwa Degiorgio - akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia - semma' lill-Ministru Carmelo Abela b'rabta mas-serqa tal-HSBC f'Ħal Qormi fl-2010. Dan wassal biex il-Ministru kien mgħajjat id-Depot fejn ġie interrogat dwar informazzjoni mogħtija mill-istess Degiorgio. 

L-aħwa Degiorgio, li bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrihom u li qed jitolbu għal Maħfra Presidenzjali,  kienu qalu illi f'din is-serqa kienu involuti eks-Ministru u Ministru fil-Kabinett kurrenti. Abela kien jaħdem fil-bank meta seħħet din is-serqa u issa rriżulta li kien tela' jixhed dwar il-każ - iżda Abela qed jisħaq li meta snin ilu kien xehed fil-Qorti, għamel dan mhux għax il-pulizija ħarrket lilu imma għax il-pulizija ħarrket rappreżentant tal-bank u tela' jixhed f’isem il-bank hu. Dak iż-żmien tas-serqa Abela kien jaħdem bħala Uffiċjal tal-Istatistika u l-Assigurazzjoni fid-Dipartiment tas-Sigurtà, Saħħa u Sikurezza tal-HSBC.

Fix-xhieda li kien ta fil-Qorti fi Frar 2011 Abela kien ikkonferma li xi kultant juża t-tagħmir li jipproduċi cards elettroniċi, magħrufin bħala Cotag Cards, użati mill-impjegati tal-bank. 

Il-Ministru Abela sostna f'messaġġ fuq Facebook li hu wieġeb għal kull domanda li għamlulu l-Pulizija "għax m'għandi xejn x'naħbi u rrid li toħroġ il-verità sħiħa. Fl-istess ħin se nibqa’ nieħu l-passi kollha biex niġġieled din il-gidba faħxija."

Huwa qal illi se jinsisti "bil-qawwa li min għamel tiegħu din il-gidba, primarjament il-Kap tal-Oppożizzjoni, għandu jerfa’ r-responsabbiltá sħiħa flimkien mad-deputat Jason Azzopardi ladarba l-verità tkun ikkonfermata kollha. Jason Azzopardi u Bernard Grech wrew fl-aħħar ġimgħat li lesti jassoċjaw ruħhom fl-istrateġiji tal-kriminali biex jilħqu l-għanijiet politiċi tagħhom. Huwa evidenti li hemm kollaborazzjoni bejn esponenti tal-PN u l-kriminali; min jipprova jixtri l-libertà u min jipprova jixtri l-poter," temm jgħid Abela.

Il-pulizija li qed jinvestigaw dan il-każ ta' serqa li spiċċat bi sparar u persuni mweġġgħin jemmnu li din kienet biċċa xogħol li fiha hemm persuna kompliċi li kienet taħdem fl-istess bank.

Intant huwa u ħiereġ mill-Parlament illejla Abela reġa' insista li hu jrid li l-verità toħroġ, fakkar li kien hu stess li mar għand il-Pulizija wara li fetaħ libell kontra d-Deputat Jason Azzopardi u rrepeta għal diversi drabi l-frażi:  "Jiena mhux qed ikun investigat" meta mistoqsi jekk kienx interrogat 'taħt twissija'  - jiġifieri meta l-Pulizija jwissuk biex tkun attent xi tgħid għax dak li tgħid jista' jinkriminak u jintuża kontrik.

More in Politika