Filmati | 'Qed jagħmlu minn kollox biex jixtru l-maħfra tagħhom' - Il-PM Abela dwar iċ-Ċiniż u l-Fulu

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsisti li l-PN qiegħed fil-pjan ma' dawn "il-persuni assoċjati mal-kirminalità, b'allegazzjonijiet ta' reati serjissimi"

Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela reġa' sostna - fid-dawl ta' ittra li l-aħwa Degiorgio, akkużati bl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, bagħtu lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders - illi dawn "il-persuni assoċjati mal-kriminalità, allegatament assoċjati ma' reati serjissimi, qed jagħmlu minn kollox biex jixtru l-maħfra."

L-aħwa kienu arrestati fil-Marsa ftit wara l-assassinju tal-ġurnalista u kienu magħrufin sew mal-pulizija. 

Huma bagħtu ittra lil Reynders illi fiha sostnew li l-Gvern ċaħad it-talba tagħhom għal maħfra presidenzjali għax jgħidu li ma jridx li jisma x’għandhom xi jgħidu dwar l-allegat involviment tal-eks Ministru Chris Cardona fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Ministru Carmelo Abela “f’reati serji,” fosthom għall-allegat sehem tiegħu f’attentat ta’ serqa armata.

“Hemm kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li l-klijenti tiegħi qed joffru informazzjoni li turi l-involviment tal-istat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment ta’ ministri tal-Gvern f’reati serji u għalhekk, l-Istat, ma jista’ qatt jassessja t-talba li huma għamlu b’mod ġust,” kiteb l-Avukat William Cuschieri, l-avukat tal-aħwa. 

L-aħwa (magħrufin bħala ċ-Ċiniż u l-Fulu) qed jakkużaw lil Carmelo Abela li kien imdaħħal fis-serqa tal-HSBC fl-2010.  Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien implika li ta' dan Abela kien imwiegħed €300,000 għal dan l-involviment. 

Intant huwa u dieħel fil-Parlament l-istess Ministru Abela saħaq li din tal-aħwa Degiorgio hija "gidba mill-bidu sal-aħħar" u sostna li l-PN qed juża l-istess tattika tal-kriminali. 

Fil-fatt dan il-kliem intqal mill-Prim Ministru wkoll huwa u dieħel il-Parlament illejla li saħaq illi l-ittra ma "tibdel xejn mill-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li qiegħed biċċa waħda mal-kriminali biex jipprova jġibilhom il-maħfra, waqt li l-Gvern qed jaħdem biex il-ġustizzja ssir." 

Huwa temm jgħid li "f'dan il-pjan hemm il-Partit Nazzjonalista involut."

Intant il-Kap tal-PN u tal-Oppożizzjoni sostna li l-Prim Ministru għandu jkeċċi lill-Ministru Carmelo Abela minnufih, filwaqt li qal ukoll iżda li l-PM mhux kapaċi jiddeċiedi għax - skont hu - idejh marbutin. 

 

More in Politika