Grech isejjaħ għat-tkeċċija immedjata ta' Carmelo Abela wara li l-aħwa Degiorgio jerġgħu jimplikawh

Il-Kap tal-PN jgħid li l-Prim Ministru Robert Abela mhuwiex kapaċi jiddeċiedi

Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal illi l-inqas li jista' jagħmel il-Prim Ministru huwa li jkeċċi lill-Ministru Carmelo Abela, sakemm il-Pulizija tlesti l-investigazzjoni fuq l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tiegħu. 

Huwa qal dan hekk kif l-aħwa George u Alfred Degiorgio - akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana GalizIia - qed jibqgħu jisħqu f'ittra li kitbu lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders li l-Gvern ċaħad it-talba tagħhom għax ma jridx li jisma x’għandhom xi jgħidu dwar l-involviment tal-eks Ministru Chris Cardona fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Ministru Carmelo Abela “f’reati serji,” fosthom għall-allegat sehem tiegħu f’attentat ta’ serqa armata.

“Hemm kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li l-klijenti tiegħi qed joffru informazzjoni li turi l-involviment tal-istat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment ta’ ministri tal-Gvern f’reati serji u għalhekk, l-Istat, ma jista’ qatt jassessja t-talba li huma għamlu b’mod ġust,” kiteb l-Avukat William Cuschieri, f'isem l-aħwa.  

Dawn l-aħwa qed jitolbu għall-maħfra Presidenzjali wkoll, wara li diġà ngħataw żewġ maħfriet oħrajn:  Dik lil Melvin Theuma u dik lil Vince Muscat, b'rabta mal-assassinju ta' Caruana Galizia fl-2017

Il-Kap tal-PN sostna illi dawn huma allegazzjonijiet "bla preċedent" iżda sostna wkoll li l-PM Robert Abela għandu jdejh marbutin u allura ma jistax jiddeċiedi. 

 

More in Politika