'Kunu leali lejn il-poplu - favur il-ħajja mhux il-mewt' - Fondazzjoni Life Network

Il-Fondazzjoni tħeġġeġ lill-Partit Laburista biex ikun aktar ċar dwar id-dikriminalizzazzjoni tal-abort ...

Il-Fondazzjoni Life Network fi stqarrija appella lid-deputati kollha fil-Kamra tad-Deputati sabiex jibqgħu leali lejn il-principji tagħhom "u lejn il-mandat li tahom il-poplu, u jagħżlu l-ħajja u mhux il-mewt."

Il-Fondazzjoni nnutat kif sa issa ħarġu żewġ dikjarazzjonijiet mill-partiti politiċi. "Id-dikjarazzjoni tal-PN hija ċara u kontra d-dekriminalizzazjoni tal-abort. Il-PL, filwaqt li jtenni li huwa favur il-ħajja u kontra l-abort, ma jagħmilx dikjarazzjoni kontra d-dekriminalizazzjoni tiegħu. Nittamaw li fil-jiem li ġejjin tali dikjarazzjonijiet joħorġu aktar ċari fl-interess tal-protezzjoni tat-trabi fil-ġuf," sostniet il-Fondazzjoni fi stqarrija. 

Dalgħodu l-ADPD ħarġet pożizzjoni favur id-dikriminalizzazzjoni tal-abort u favur l-abort fi tliet ċirkostanzi. 

Il-Fondazzjoni Life Network għamlet appell lill-mexxejja ta' pajjiżna kontra d-dekriminalizazzjoni tal-abort. "Appell sabiex inkomplu nipproteġu l-ħajja, niġġieldu kontra kull thedida kontra l-ħajja umana, u wegħda li nkomplu noffru u nżidu s-servizzi tagħna sabiex nisa tqal isibu kull għajnuna. Irridu nkunu hemm ghall-ommijiet tul it-tqala u wara, sakemm ikun hemm il-bżonn."

Huma qalu illi l-mozzjoni tad-Deputata Marlene Farrugia ma hu xejn "ħlief tentattiv sabiex jiġi introdott u pprattikat l-abort f’ Malta u b’hekk kull tqala tkun tista’ tigi mwaqqfa minn omm jew professjonist mediku, u t-tarbija f’ġufha meqruda."

Il-Fondazzjoni temmet tgħid li d-dikriminalizzazzjoni tal-abort iwassal mhux biss li l-abort ma jibqax jitqies bħala reat kriminali "imma li ma jkunx regolat u faċilment iwassal għall-abbuż għax isir permissibbli (a) f’kull stadju tat-tqala anki lejliet it-twelid u (b) f’kull ċirkostanza."

More in Politika