Degiorgio jilmentaw li ħadd ma jrid jismagħhom; Jitolbu mill-ġdid il-Maħfra Presidenzjali

Jitfgħu l-ballun f'saqajn il-President u jisħqu li l-Kap tal-Istat mhux bilfors li jrid jimxi mar-rakkomandazzjoni tal-Kabinett

George Degiorgio
George Degiorgio

L-aħwa George u Alfred Degiorgio reġgħu kitbu lill-President ta’ Malta George Vella jitolbuh, għat-tieni darba, il-Maħfra Presidenzjali fil-każ tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fl-ittra, l-aħwa saħqu li qed jagħmlu dan bil-għan li toħroġ il-verità kollha dwar dan il-każ u biex dawk kollha involuti jitressqu quddiem il-ġustizzja.

Insistew li qed jagħmlu dan mhux biss fl-interess tagħhom, iżda “fl-interess ta’ kulħadd.”

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Kabinett ma laqax it-talba taż-żewġt aħwa biex jingħataw il-Maħfra Presidenzjali. Fit-tieni talba, l-aħwa Degiorgio saħqu li l-Kap tal-Istat, f’dan il-każ il-President, mhux bilfors għandu jimxi fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kabinett.

L-aħwa Degiorgio qed jisħqu li għandhom f’idhom informazzjoni li timplika eks Ministru bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qed jisħqu wkoll li għandhom informazzjoni rigward reati oħra u anke assassinju li għadhom mhux solvuti. Hawn qed jimplikaw eks Ministru u Ministru preżenti li għadhom mhux isemmu.

George u Alfred Degiorgio qed jilmentaw li ħadd f’Malta ma jidher li hu lest biex jisma’ dak li huma għandhom x’jgħidu, anke jekk, fi kliemhom, huma għandhom f’idhom evidenza diretta u kredibbli dwar il-każi msemmija.

Apparti minn hekk, l-aħwa Degiorgio qed jisħqu li hemm kunflitt ta’ interess fil-Kabinett u li dan ma jissolvix biss billi wieħed mill-Ministru ma jkunx preżenti u ma jivvutax dwar id-deċiżjoni.

Fil-fatt, il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Carmelo Abela għażel li ma jkunx preżenti għad-deċiżjoni dwar il-maħfra presidenzjali, minħabba li ġie implikat mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-każ tas-serqa tal-HSBC tal-2010. Hu qed jiċħad dawn l-akkużi u fetaħ libell b'urġenza.

L-aħwa Degiorgio qed jilmentaw ukoll kif għall-kuntrarju tal-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma u lil Vincent Muscat (Il-Koħħu), lilhom ħadd ma semagħhom qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni.

Insistew li normalment, deċiżjoni simili tittieħed wara li l-Prosekuzzjoni tisma’ dak li għandhom xi jgħidu l-persuni li jkunu qed jitolbu l-maħfra.

Komplew jisħqu li huma saru jafu mill-midja li t-talba tagħhom ma ġietx milqugħa għax insistew li ħadd ma kellimhom.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-istess aħwa ressqu Protest Ġudizzjarju minħabba dan il-mod kif, fi kliemhom, ittieħdet id-deċiżjoni.

More in Politika