28 każ ta' Covid-19 minn fost eluf ta' studenti fl-ewwel ġimagħtejn mill-ftuħ tal-iskejjel

L-ebda clusters fl-iskejjel, iżda cluster fost ħaddiema f'Chilcare Centre fejn iżda xorta ma kienx hemm trażimissjoni

Hekk kif ġimagħtejn ilu reggħu fetħu l-iskejjel, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ħabbret li sa issa kien hemm total ta' 28 student li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19 u seba' membri tal-istaff li rriżultaw fil-pożittiv ukoll.  Dan minn eluf ta' studenti u eluf ta' għalliema, LSEs u ħaddiema oħrajn li reġgħu bdew joperaw mill-iskejjel minn ġimagħtejn ilu. 

Gauci qalet li ma kien hemm ebda clusters fi skejjel, għalkemm kien hemm cluster wieħed fost ħaddiema f'child care centre, liema cluster ma wassalx iżda għal trażmissjoni fuq il-post.  Gauci qalet li dan juri kemm il-miżuri preventivi, fl-iskejjel u f'dawn iċ-ċentri ta' matul il-jum,  qegħdin jaħdmu.

Intant ara kif in-numru ta' persuni fl-isptarijiet baqa' nieżel b'ebda pazjent fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-Faċilità Good Samaritan, li tinsab f'Buġibba.

More in Politika