L-ebda pazjent tal-Covid-19 fl-Isptar ta' Għawdex u l-Faċilità Good Samaritan

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci tgħid li dan huwa riżultat ċar tat-tilqim ...

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet illi r-riżultat tat-tilqim issa huwa ċar bin-numri dejjem neżlin ta' pazjenti fi sptarijiet u djar tal-anzjani madwar il-pajjiż.  Fil-fatt bħalissa ma hemm ebda pazjent bil-Covid-19 f'Għawdex u lanqas fil-Faċilità Good Samaritan f'Buġibba. 

Intant Gauci ħabbret illum li hemm tmien każi fl-ITU, tmienja oħra fl-Infectuous Diseases Unit u 24 f'wards differenti fl-Isptar Mater Dei.  Tnax-il pazjent jinsab fl-Isptar Boffa, 12 oħrajn fl-Isptar St Thomas, seba' fl-Isptar Karin Grech u tlieta f'Mount Carmel. 

"L-impatt li qed iħalli t-tilqim huwa ċar - fid-djar tal-anzjani matul il-ġimgħa kellna biss żewġ każi, wieħed bla sintomi u ieħor b'sintomi ħfief ħafna.  Imma minkejja dan għadu m'għaddiex kollox u jeħtieġ inkunu kawteli," saħqet is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci. 

Intant Gauci qalet illi l-maġġoranza tal-każi baqgħu minn fost clusters fid-djar b'117-il każ, imbagħad fuq il-postijiet tax-xogħol b'72 każ - ħafna minnhom minn cluster ta' post tax-xogħol wieħed, 36 każ kien importat u 26 każ ieħor kienu ġejjin minn ġemgħat soċjali. 

Intant ara kif fl-ewwel ġimagħtejn, irriżultaw 28 każ  ta' Covid-19 fost studenti fl-iskejjel u seba' każi pożittivi fost ħaddiema tal-iskejjel. 

More in Politika