Tinnota b'mod pożittiv il-kawtela tal-Gvern, imma tfakkar li Għawdex għadu qed ibati

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija tgħid li l-ekonomija Għawdxija ħadet daqqa kbira u għadha qed issofri minħabba miżuri restrittivi kontra l-Covid-19

Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija faħħret il-mod kif ir-rilaxx tal-miżuri se jkun mifrux fuq medda ta' ġimgħat, għalkemm fakkret li l-ekonomija Għawdxija - li tiddependi ħafna fuq it-turiżmu - qed tbati minħabba r-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19 li qed jippjrojbixxu l-ivvjaġġar lejn Għawdex għajr għal dawk li għandhom proprjetà fuq din il-gżira. 

"Wieħed jeħtieġ jifhem li s-setturi kollha sofrew bil-kbir, minkejja li oħrajn qed isofru aktar - anke fl-istess setturi," sostniet il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija.  Fakkret illi hawn barijiet żgħar - per eżempju, li ħafna drabi huma mmexxjin minn familji, li issa ilhom magħluqin għal perjodu ħafna itwal.

Il-Kamra tal-Kummerċ appellat lill-awtoritajiet biex ikunu kategorizzati dawk in-negozji li mhumiex essenzjali, sabiex ħwienet li jbiegħu għamara u ħwienet oħra - per eżempju, ikunu jistgħu jiftħu.  Appellat biex jiżdied il-perjodu tat-test negattiv tal-Covid-19, meta persuna tkun ġejja minn barra u biex ikun hemm 'pjan ċar' għal turiżmu sigur. 

Il-Gvern ilbieraħ ħabbar illi qed jippjana illi fl-1 ta' Ġunju l-pajjiż jerġa' jiftaħ għat-turiżmu, bi protokolli ta' sigurtà - fosthom id-Digital Green Pass jew inkella test negattiv tal-Covid-19, qabel persuna tidħol Malta. L-MHRA laqgħet din il-mira b'mod pożittiv u qalet li qed tistenna bil-ħerqa biex jerġa jinfetaħ l-istaġun turistiku.

Il-ġimgħa l-oħra wkoll il-Ministru Clayton Bartolo ħabbar pjan għat-turiżmu li jinkludi skont ta' 10% għal dawk it-turisti li jibbukkjaw akkomodazzjoni f'Għawdex. 

More in Politika