‘The G-spot of Europe’ u ‘Feel Free Again’ - ħarsa lejn il-kampanji użati biex jattrattaw it-turisti fl-2021

Il-gazzetta ILLUM tagħti spjegazzjoni dettaljata tal-pjan ta’ rkupru li qed joffri l-Gvern, kif ukoll ħarsa lejn kif pajjiżi oħra qed jirreklamaw pajjiżhom

Għajjejna nisimgħu fuq il-pandemija u l-impatt li ħalliet fuq bosta setturi speċjalment dawk fit-turiżmu.  Imma issa donnu qegħdin naraw xaqq ta’ tama hekk kif il-gvern ħabbar pjan ta’ rkupru.

Dan il-pjan, li se jiġi jiswa €20 miljun, se jkun qed iseħħ bl-għan li t-turiżmu jerġa’ jirkupra t-telf fil-volum u l-valur fl-iqsar żmien possibbli. 

Erġa’ ħossok liberu 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar pjan ta’ rkupru bbażat fuq ħames pilastri.  Hu spjega li dan se jkun qed isir biex “b’mod gradwali nibdew noħorġu mis-sitwazzjoni li qeghdin fiha illum.”

  • Għajnuna lin-negozji tat-turiżmu biex jibqgħu joperaw

Il-Gvern diġà estenda miżuri flimkien ma’ skemi u inċentivi oħra li jgħinu n-negozjaturi Maltin jissalvagwardjaw in-negozji tagħhom. Madankollu l-Gvern se jkun qed iżid numru ta’ skemi oħra.

Fosthom, skema li biha t-turisti li jibbukjaw lukanda jew guesthouse f’Għawdex se jiksbu skont ta’ 10% fil-prezz tal-akkomodazzjoni biex jgħinu kontra l-insularità doppja.

Numru ta’ skemi oħra se jkunu qegħdin jindirizzaw turiżmu bħal dak tal-isport u l-għadds li se jibbenfikaw minn skemi personalizzati għalihom. 

L-aqwa kampanji tat-turiżmu għal 2021

Huwa importanti li niftakru li wħud mill-kompetituri ta’ Malta diġà ħadmu fuq il-kampanji tagħhom.  

Fosthom hemm kampanji pjuttost monotoni li kemm il-darba ġew użati fil-passat. Bħal tal-Eġittu u tal-Awstralja li għażlu slogans li f’ċirkostanzi oħra xorta probabli kienu se jiġu użati. Fil-każ tal-Eġittu insibu “An Experience of a Lifetime”, u fil-każ tal-Awstralja “There’s Nothing Like Australia”. 

Hemm pajjiżi oħra li ħadu l-opportunità li jużaw il-pandemija fil-kampanja tagħhom. Fosthom l-Iżlanda li bniet kampanja bl-isem ta’ “Scream it Away.” Din saret bl-għan li n-nies jmorru l-Iżlanda jeħilsu mill-frustrazjoni li ġabet l-COVID-19 u jwerżqu kemm jifilħu mill-postijiet remoti iżda meraviljużi li jaf joffri dan il-pajjiż.

Minn naħa l-oħra, l-Iżvizzera ħarġu bil-kampanja “Dream Now Travel Later”. Il-kampanja kienet imxerda madwar id-dinja bit-tama li l-pubbliku joħlom kif ukoll jippjana fejn se jsiefer issa, u jsiefer wara li jgħaddi kollox. 

Imbgħad hemm il-Litwanja li ħarġu b’kampanja kreattiva immens. Dan il-pajjiż qed jirriklama l-belt kapitali tiegħu billi jqabbilha maż-żona eroġona tal-mara magħrufa aħjar bħala l-'g spot’.

Bil-kampanja “Vilnius: The G-spot of Europe”, il-Litwanja tinsisti li l-belt kapitali tagħha ħadd ma jaf biha iżda ladarba ssibha, hi post tal-għeġubijiet.

  • L-istabbiliment mill-ġdid ta’ linji tal-ajru f’Malta 

It-tieni pilastru jindirizza l-istabbiliment mill-ġdid ta’ linji tal-ajru f’Malta.  L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) se tkun qed taħdem mal-linja tal-ajru nazzjonali Air Malta kif ukoll linji tal-ajru oħra reġistrati f’Malta biex jerġgħu jirritornaw lura f'rotot ewlenin fl-Ewropa minn April.

Clayton Bartolo semma li mhux inqas minn 18-il linja tal-ajru se jibdew jivvjaġaw lejn pajjiżna inkluż erbgħa ġodda. 

  • Simulazzjoni tad-domanda billi tingħata prijorità lil niċeċ oħra fis-swieq

L-MTA se tkun qed tagħti wkoll prijorità lil niċeċ oħra fis-suq tat-turiżmu li jikkontribwixxu potenzjal qawwi għall-irkupru.

Fosthom ġew identifikati; l-ivvjaġġar lussuż, LGBTIQ, turiżmu spiritwali u ċikliżmu.  Dawn it-tip ta’ swieq, jattiraw turisti għal għan speċifiku eżempju turiżmu spiritwali jattira turisti li jiġu f’Malta għal skopijiet reliġjużi.  Bħalu hemm s-suq tal-LGBTIQ, suq LQBTIQ għal divertiment, tiġijiet u aktar.

Se jkun qed isir ukoll klassifikazzjoni ġenerali tas-suq f'termini ta’ raġunijiet ta' prijorità biex tivvjaġġa, bix-xemx u l-kultura jiddominaw il-klassifika. 

  • Indirizzar tas-suq b’messaġġ tajjeb

Bil-għan li aktar turisti jiġu attirati lejn Malta, l-MTA qed tniedi kampanja apposta. 

Il-kampanja “Feel Free Again” se tkun qed tinkludi viżwali tal-isbuħija tal-gżejjer Maltin permezz ta’ xenarji bħal baħar, postijiet urbani u x-xemx. 

  Il-prijorità se tkun qed tingħata lis-swieq Ewropej u tar-Renju Unit, bi swieq oħra mmirati f’data aktar tard. Ir-Renju Unit baqa’ dejjem l-akbar suq turistiku għal pajjiżna. 

Skont statistika tal-NSO, fl-2019 ġew Malta ftit inqas minn 700,000 turist mir-Renju Unit. Fit-tieni post, it-Taljani bi ftit inqas minn 400,000.

  • L-irkupru waqt ir-ristrutturar tat-turiżmu Malti

L-istrateġija għall-irkupru tat-turiżmu se tkun parti bis-sħiħ mill-istrateġija għat-turiżmu ta’ Malta 2030, li qed tiġi fformulata bħalissa.

More in Politika