Kif se jiftħu l-iskejjel? Meta se jiftħu l-ħwienet? U r-ristoranti u t-tiġijiet? Ir-rilaxx tal-miżuri spjegat

Il-Gvern qed iħares lejn l-1 ta' Ġunju bħala d-data meta l-pajjiż se jerġa' jiftaħ il-bibien tiegħu għat-turiżmu

Min-nhar it-Tnejn li ġej, kif żvelat il-gazzetta ILLUM, se jibdew jiftħu l-iskejjel u anke jkomplu l-operazzjonijiet kollha fl-isptar Mater Dei, filwaqt li fis-26 ta' April, jekk il-każi jibqgħu baxxi u ma jkunx hemm pressjoni fuq l-isptarijiet, se jkunu qed jiftħu l-ħwienet mhux essenzjali u jerġgħu jibdew jingħataw is-servizzi li wkoll mhux meqjusa essenzjali. Għalissa r-ristoranti u l-bars se jibqgħu magħluqa.

Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet. Spjega li l-iskejjel se jiftħu hekk:

  • Nhar it-Tnejn jiftħu ċ-childcare centres u l-iskejjel primarji;
  • L-Erbgħa jidħlu lura l-istudenti tal-middle school; u
  • Il-Ġimgħa jidħlu lura l-kumplament tal-istudenti tal-primarja.
  • Istituzzjonijiet edukattivi post sekondarji, għalissa se jibqgħu onlajn.

Insista li l-istudenti għandhom bżonn l-esperjenza skolastika daqskemm għandhom bżonn il-kotba u t-teknoloġija.

Min-nhar it-Tnejn li ġej se jkomplu wkoll l-operazzjonijiet kollha fl-isptarijiet, anke dawk li mhumiex urġenti, filwaqt li fid-djar tal-anzjani se jkunu qed jitnaqqsu r-restrizzjonijiet biex ir-residenti jibdew jiltaqgħu aktar b'mod dirett mal-qraba tagħhom. Aktar dettalji dwar il-miżuri fid-djar tal-anzjani se jingħataw aktar tard dil-ġimgħa mill-Ministeru responsabbli. 

Ħwienet u gruppi fil-pubbliku u fid-djar

Intant, fis-26 ta' April se jiftħu l-ħwienet mhux essenzjali (bħal tal-ħwejjeġ) u se jibdew jingħataw is-servizzi li wkoll huma meqjusa mhux essenzjali, bħal dawk tas-sbuħija (bħalma huma l-ħwienet tax-xagħar).

Fl-istess ġurnata, jiġifieri fis-26 ta' April, l-għadd ta' persuni li jistgħu jiltaqgħu fil-pubbliku, se jiżdied minn żewġ persuni għal erbgħa (sakemm mhux mill-istess household). L-istess se jiġri fid-djar. Minn żewġ households, se jkunu jistgħu jinġabru sa erba' households f'dar waħda. 

Il-Prim Ministru insista li l-enfasi se tibqa' tingħata lill-infurzar. Saħaq li l-pjan huwa wieħed li jimxi fiż-żewġ direzzjonijiet, fejn il-miżuri jiddaħħlu daqskemm jitreġġgħu lura, skont is-sitwazzjoni tal-imxija u l-pressjoni fuq l-isptarijiet.

Ristoranti u bars

Għalissa, ma ngħatatx data meta se jkunu qed jerġgħu jinfetħu r-ristoranti u l-bars u jkompli l-isport organizzat u attivitajiet oħra.

"Dan kollu jiddependi minn kif se nimmaniġjaw dan ir-rilaxx. Id-dati jingħataw fi żmien li ġej skont kif jiżviluppaw iċ-ċirkostanzi," saħaq Abela. "Issa huwa ċ-ċans biex nibżgħu għas-sagrifiċċju li għamilna."

Turiżmu u tiġijiet

Apparti minn hekk, Abela qal li l-Gvern qed iħares lejn l-1 ta' Ġunju bħala d-data meta l-pajjiż se jerġa' jiftaħ il-bibien tiegħu għat-turiżmu b'mod proattiv.

Abela saħaq li huwa importanti li l-Gvern isalva s-sajf għax in-negozji għandhom bżonn it-turiżmu, li fi kliemu miegħu jġib il-flus u x-xogħol.

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern għandu €20 miljun lesti biex ikunu investiti biex aktar turisti jitħajru jżuru Malta fis-sajf u x-xhur ta' wara, filwaqt li saħaq li l-Gvern se jkomplu jgħin lin-negozji u anke se jkun qed iqassam it-tieni sett ta' vouchers malli ħafna min-negozji jkunu miftuħa.

L-1 ta' Ġunju hija wkoll id-data li l-Gvern qed iħares lejha biex jerġgħu jibdew isiru t-tiġijiet.

Quddies

Il-knejjes se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-quddies mill-Ħadd 18 ta' April.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne rringrazzja lill-Kurja tal-koperazzjoni tagħha tul l-aħħar xhur.

Aqra wkoll: 'Pjan ibbażat fuq ix-xjenza u l-kawtela ... jekk miżura żżid ħafna n-numri, nerġgħu nissikkaw'

More in Politika