'Pjan ibbażat fuq ix-xjenza u l-kawtela ... jekk miżura żżid ħafna n-numri, nerġgħu nissikkaw'

Il-PM Robert Abela u d-Deputat PM Chris Fearne jirrikonoxxu li se jkun hemm min se jibqa' jbati għalissa - imma jfakkru li l-mira ta' Malta hija Ġunju, meta rridu niftħu l-bibien bil-mod għat-turiżmu

Il-Konferenza tal-Aħbarijiet li saret dalgħodu
Il-Konferenza tal-Aħbarijiet li saret dalgħodu

Il-Prim Ministru Robert Abela illum ħabbar pjan ta' rilaxx ta wħud mill-miżuri li kien ħa lura f'Marzu - li hekk kif żvelat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda se jfisser il-ftuħ tal-iskejjel l-ewwel u wara se jseħħ il-ftuħ tal-ħwienet li joffru servizzi mhux essenzjali - jiġifieri ħwienet ta' sbuħija, xagħar, ħwejjeġ u żraben - fost oħrajn.

Ara hawnhekk d-dettalji tar-rilaxx tal-miżuri spjegati pass, pass. 

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja - apparti li tħabbru l-miżuri - sar aċċenn qawwi ħafna fuq il-kawtela u l-fatt li l-miżuri ta' rilaxx tħabbru b'mod gradwali u anke aċċenn fuq il-bżonn li l-pajjiż ikollu staġun tas-sajf u numri li jibgqħu baxxi, sabiex Malta tattira t-turisti. 

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ċċarat li dawn il-passi ttieħdu għab-bażi tax-xjenza iżda wissiet:  "Jekk naraw li miżura qed twassal għal żieda qawwija fil-każi jew fin-nies li jkollhom jiddaħħlu l-ITU nerġgħu nissikkaw il-miżuri."

"Dan huwa pjan ibbażat fuq ix-xjenza.  Dan huwa pjan li qed nagħmlu moniteraġġ tiegħu, huwa pjan ta' kawtela u jekk l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb nirrevedu," qalet Gauci. "Se nkomplu għaddejjin bi screening ta' gruppi, nissorveljaw il-każijiet fil-komunità u naraw ukoll kemm ikun hemm nies li jidħlu l-Isptar."

Gauci fakkret illi l-iskejjel se jkunu qed jiftħu skont il-miżuri u bl-iddistanzjar, apparti li tħabbar ukoll li l-iskejjel se jiftħu fuq medda ta' ġimgħa għal-livelli tal-primarja u sekondarja.

'Kieku morna għal lockdown ta' xi xahar konna nkissru lill-familji u negozji'

Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar illi għal kull perjodu differenti, se jkun hemm bżonn miżuri differenti.  "Hemm negozji u impjegati li qed ibatu, iva - imma qed nagħmlu sagrifiċċju biex ikollna sajf u sabiex jinżamm il-bilanċ bejn il-protezzjoni tal-ħajjiet u anke tan-negozji."

Huwa saħaq illi l-Gvern ma marx għas-soluzzjonijiet li kienu jfissru lockdowns ta' xahar, "kieku konna inkissru lin-negozji u ntellfu l-ħobża ta' kuljum tal-Maltin u l-Għawdxin." 

Huwa fakkar li bħalissa għaddej proċess ta' vaċċinazzjoni, b'219,161 doża totali sal-bieraħ u 60,096 persuna li ħadet ukoll it-tieni doża.  Fil-fatt Malta bħalissa tinsab fuq quddiem fil-proċess, ras għal ras, meta mqabbla mal-pajjiżi tal-UE.  

Il-PM qal illi l-priorità tal-Gvern hija l-edukazzjoni, is-saħħa u l-anzjani u dan ir-rilaxx jirrifletti proprju dan. 

Intant anke d-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne saħaq li l-mira tal-Gvern tibqa' Ġunju, meta l-Gvern qed jara li l-pajjiż jerġa' jiftaħ bil-mod, il-mod għat-turiżmu. 

"Irridu niftħu t-turiżmu.  Jekk nipperikolaw dan - u pajjiż bħar-Renju Unit ma tagħmilniex fil-Green List tagħha nitilfu s-sajf.  Jekk nibqgħu sejrin kif aħna, inkunu fuq il-Green List Ewropea.  Jekk le, l-ekonomija ma tirrankax."

 

More in Politika