'Nittamaw li r-rilaxx tal-miżuri daqstant kmieni ma jwassalx għal mewġa oħra' - MUT

L-MUT qalet li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-iskejjel tħabbret meta l-MUT kienet għadha għaddejja bid-diskussjonijiet mal-Ministru Justyne Caruana

Il-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT), fl-ewwel reazzjoni dwar il-ftuħ tal-iskejjel, qalet li qed tittama li “bir-rilaxxar ta’ dawn il-miżuri daqstant kmieni ma jerġax ikollna mewġa oħra ta’ każijiet li jipperikolaw is-saħħa ta’ kulħadd u jagħmluha insostenibbli għall-iskejjel biex joperaw.”

L-MUT qalet li d-deċiżjoni dwar il-ftuħ tal-iskejjel tħabbret meta l-MUT kienet għadha għaddejja bid-diskussjonijiet mal-Ministru Justyne Caruana u saħqet li d-dettalji tad-deċiżjoni mħabbra ma tinkludix dak li qed jiġi diskuss.

Il-Unjin saħqet ukoll li qed tistenna wkoll diskussjoni sabiex jitħabbru il-miżuri li ser ikunu qegħdin jittieħdu sabiex l-eżamijiet, fosthom, tas-SEC u l-MATSEC ikunu jistgħu isiru.

Fakkret ukoll li għad hemm mijiet ta’ edukaturi li għadhom ma rċevewx l-appuntament għall-ewwel doża, filwaqt li l-appuntamenti għat-tieni doża jibdew minn Mejju li ġej. 

“Ma ninsewx ukoll li bil-varjant issa hemm it-tfal ukoll li qegħdin jieħdu l-virus f’numru akbar, u bħal ma nafu t-tfal taħt is-sittax-il sena ma ħadux tilqim. Dan ifisser li l-komunità kollha, partikolarment familji u nies li jiġu f’kuntatt mat-tfal u mal-ħaddiema kollha fl-iskejjel, għandha tkompli ssegwi l-miżuri kollha skont il-protokolli,’ insistiet il-unjin.

Ikkundannat ukoll li min, fi kliemha, min qed jagħmel referenzi u jisħaq li l-aħħar xhur kienu jfissru telf għall-istudenti.

“Dan mhux il-każ, kif jixhdu l-istess edukaturi, ġenituri u studenti,” temmet tgħid il-unjin.

More in Politika