Sondaġġ ILLUM | It-Toyota hija l-karozza favorita tal-Maltin u mhux bi ftit

Sondaġġ tal-gazzetta ILLUM (magħmul minn POLAR) juri li l-maġġoranza tal-Maltin jippreferu jixtru karozza hybrid jew elettrika iżda liema ditta ta’ karozzi jippreferu? U jekk se jixtru karozza, x’kulur jagħżlu?

It-traffiku jibqa’ waħda mill-akbar sfidi li għandu l-pajjiż. Kulħadd igerger iżda ħadd ma jirrikonoxxi li huwa parti mill-problema. Għaliex? Għax il-Maltin il-karozza nħobbuha u ara min jgħidilna naqbdu Tal-Linja. Jekk ma naqblux fuq ħafna affarijiet, jidher li fuq il-karozzi naqblu.

Fil-fatt, l-istess sondaġġ tal-ILLUM staqsa lill-parteċipanti x’karozza jagħżlu kieku kellhom jixtru u l-maġġoranza għażlu t-Toyota, ditta Ġappuniża famuża mad-dinja kollha.

Tista’ tgħid li ditti oħra ta’ karozzi lanqas bdew mat-Toyota u fil-fatt, kważi kważi, jinsabu kollha fl-istess ilma.

Jekk wieħed jeskludi lil dawk li ma kinux jafu jwieġbu (13.6%) u dawk li għażlu karozza mhux fil-lista (21.5%), it-tieni l-aktar ditta preferuta fost il-parteċipanti ta’ dan is-sondaġġ kienet il-BMW (3.4%) u warajha l-Volkswagen (2.7%), l-Audi (2.6%) u l-Peugeot (2.5%). 

Id-differenza bejn ditti differenti oħra kienet minima.

L-inqas karozzi popolari mal-parteċipanti kienu s-Seat (0.1%), l-Iskoda (0.3%), it-Tesla (0.4%) u l-Kia (0.9%).

Iż-żgħażagħ jafu jagħżlu

Ftit li xejn kien hemm differenzi fl-etajiet, għajr għal fatt li l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena ‘l fuq ippreferew ma jagħżlu l-ebda karozza. Madanakollu minn fost l-anzjani li wieġbu, t-Toyota xorta kienet l-aktar popolari.

Id-differenza kienet tinħass aktar fit-tieni u t-tielet preferenza. Pereżempju 45.4% ta’ dawk li għandhom bejn 18 u 35 qalu li jippreferu jixtru Toyota. It-tieni preferenza taż-żgħażagħ kienet karozza BMW (5.3%) u t-tielet preferenza kienet il-Mercedes-Benz (3.5%). Ngħiduha kif inhi, jafu jagħżlu ż-żgħażagħ tagħna.

Għal 38.2% ta’ dawk li għandhom bejn 36 u 50 sena t-Toyota wkoll kienet l-għażla preferuta u warajha r-Renault (5.9%) u l-BMW (4.9%).

It-Toyota hija l-aktar popolari ma’ dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena (48.9%). It-tieni l-aktar popolari magħhom kienet il-Volkwagen (5.3%) u l-BMW (3.7%).

U fir-reġjuni kien hemm differenza?

Fejn tidħol il-preferenza, ma hemmx Għawdxin, tat-tramuntana jew ta’ nofsinhar. Kemm jekk int min-Nadur, mill-Mellieħa jew inkella minn Marsaxlokk, x’aktarx li tmur l-ewwel għal Toyota.

Id-differenza tinħass ftit fejn tidħol it-tieni u t-tielet preferenza. Wara t-Toyota, l-Għawdxin jippreferu l-Opel (8.9%) u l-Audi (8.6%).

Għal dawk li jgħixu fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, bħall-Mellieħa u għal dawk li jgħixu fl-inħawi ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema u Birkirkara, wara t-Toyota x’aktarx li se jagħżlu karozza BMW (5.7%).

Fost dawk li jgħixu fl-inħawi ta’ Ħal Għaxaq, iż-Żejtun u ż-Żurrieq, wara t-Toyota jippreferu s-Citroen (3.8%) jew l-Audi (3.6%), filwaqt li t-tieni u t-tielet preferenza għall-Beltin, ir-residenti tal-Kottonera u Ħaż-Żabbar huma l-Mercedes-Benz (4%) u l-Ford (3.5%).

Fl-aħħar nett, iż-Żebbuġin, ir-Rabtin u dawk li jgħixu fl-inħawi ta’ Ħal Balzan, jekk mhux Toyota, se jagħżlu Renault (5.7%) jew Fiat (3.9%).

U l-edukazzjoni?

U l-livell ta’ edukazzjoni jagħmel differenza? Mhux ħażin. Fil-fatt, dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja, jekk ma jixtrux Toyota, li kienet l-għażla ta’ 42.3% tal-parteċipanti, se jagħżlu BMW (7%).

Mill-banda l-oħra, il-maġġoranza (56.7%) ta’ dawk li waqfu biss sal-iskola primarja ma weġbux għal din il-mistoqsija. Minn dawk li wieġbu, il-biċċa l-kbira tagħhom xorta għażlu t-Toyota (26.3%), għalkemm it-tieni preferenza tagħhom tkun il-Ford (3%).

Karozza bajda dejjem moda

Is-sondaġġ staqsa wkoll lill-parteċipanti, x’kulur jagħżlu jekk ikollhom jixtru karozza. Il-parteċipanti ngħataw dawn l-għażliet: griża skura, ħamra, blu, griża (silver) jew bajda. 

L-għażliet kienu mħallta, anke jekk karozza bajda dejjem moda. Fil-fatt, il-maġġoranza relattiva, 29.2%, qalu li jixtru karozza bajda, filwaqt li 21% qalu li ma jagħżlu l-ebda wieħed minn dawn il-kuluri. Jista’ jkun li karozza bajda hija aktar popolari għax ġeneralment tkun irħas ukoll.

Karozza bajda kienet l-aktar popolari fost il-kategoriji kollha, għajr tnejn, fosthom għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u 35 sena li x’aktarx ikunu aktar avventurużi fil-kulur tal-karozzi. Fil-fatt, kienu 26.2% tal-parteċipanti żgħażagħ li għażlu karozza bajda, filwaqt li 30.1% qalu li jagħżlu kulur differenti minn dawk msemmija lilhom.

Simili tagħhom kienu dawk li jgħixu fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż, fosthom residenti ta’ Birżebbuġa, iż-Żurrieq, l-Imqabba u l-Qrendi li wkoll jippreferu jkunu aktar avventurużi u jagħżlu kulur differenti minn dawk fl-għażla.

L-inqas kuluri favoriti mal-parteċipanti kienu l-griż skur (4.7%) u l-aħmar (5%).

Aqra wkoll:

More in Politika