Sondaġġ ILLUM | Maġġoranza lesti jagħżlu karozza hybrid jew elettrika minflok magna petrol jew diesel

Sondaġġ tal-gazzetta ILLUM (magħmul minn POLAR) juri li l-maġġoranza tal-Maltin jippreferu jixtru karozza hybrid jew elettrika jekk ikollhom ibiddlu l-karozza. Mela allura għaliex ftit tara minnhom fit-toroq?

Jista’ jkun li infrastruttura għalihom ma hawnx iżda kif qalu mal-gazzetta ILLUM diversi importaturi tal-karozzi, id-domanda għall-vetturi elettriċi jew hybrid qed tiżdied. Fil-fatt, sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM wera kif il-maġġoranza tal-Maltin lesti jixtru vettura elettrika jew hybrid jekk ikunu se jbiddlu l-karozza.

Fil-fatt, meta l-parteċipanti kienu mistoqsija x’karozza jixtru, jekk hux waħda li taħdem bil-petrol, bid-diesel, bl-elettriku jew inkella b’magna hybrid, kważi 29% wieġbu hybrid, 26% qalu li jixtru karozza elettrika, 18% jixtru magna diesel, filwaqt li kważi 16% jagħżlu karozza li taħdem bil-petrol. 11% ma weġbux.

Anke jekk karozzi hybrid jaħdmu kemm bl-elettriku iżda anke bil-fjuwil u allura xorta hemm l-element tat-tniġġis, jibqa’ l-fatt li għall-kuntrarju tal-perċezzjoni, il-kuxjenza fost il-Maltin qed tiżdied u jekk se jixtru karozza, se jagħżlu waħda li tniġġes inqas.

Kieku wieħed kellu jgħaqqad dawn il-persentaġġi, jirriżulta li ftit aktar minn 34% tal-Maltin se jmorru għal vettura li taħdem bil-fjuwil, filwaqt li kważi 54.8% jippreferu jixtru karozza li taħdem kompletament bl-elettriku jew inkella b’aktar minn sors wieħed ta’ enerġija. 

Il-karozzi elettriċi l-aktar popolari mal-adulti; Iż-żgħażagħ jagħżlu hybrid jew id-diesel

Intant, jirriżulta wkoll, mill-istess sondaġġ, li ż-żgħażagħ li għandhom bejn 18 u 35 sena u anke adulti li għandhom bejn 36 u 50 sena, huma aktar lesti li jixtru karozza hybrid, filwaqt li dawk f’etajiet akbar (minn 51 sena ‘l fuq) wieġbu li jippreferu jixtru karozza li taħdem bl-elettriku.

Madanakollu, il-preferenza għall-karozzi elettriċi jew hybrid, tinbidel skont l-etajiet. Anke jekk 56.9% taż-żgħażagħ wieġbu li jixtru karozza elettrika jew inkella hybrid, magna hybrid kienet aktar popolari (38.7%). Wara l-hybrid, it-tieni l-aktar popolari fost iż-żgħażagħ, tkun karozza b’magna diesel (23.2%) u mhux elettrika. 

Jekk imbagħad nieħdu dawk li għandhom bejn 36 u 50 sena, 60.5% jagħżlu karozzi elettriċi jew inkella hybrid u minn fost dawk li għandhom bejn 51 u 65 sena, huma aktar minn 62.3% dawk li jagħżlu karozza li tniġġes inqas.

Fost l-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena, maġġoranza relattiva jagħżlu karozzi li jniġġsu inqas (40%) għalkemm 32% ma weġbux għal din il-mistoqsija u forsi bir-raġun għax ftit huma dawk l-anzjani li jbiddlu l-karozza tagħhom.

Mela, jekk nieħdu l-istampa kollha, jirriżulta li dawk fl-etajiet medji, jiġifieri li għandhom bejn 36 u 65 sena, huma aktar lesti li jixtru karozza totalment elettrika, filwaqt li ż-żgħażagħ (anke jekk il-maġġoranza tagħhom jagħżlu karozzi li jniġġsu inqas), għadhom mhux daqshekk lesti jixtru karozza li telimina għal kollox il-fjuwil.

L-Għawdxin l-aktar li jippreferu l-vetturi elettriċi

L-istess preferenza għall-vetturi elettriċi jew inkella hybrid insibuha wkoll fir-reġjuni differenti. Minn fost ir-reġjuni kollha f’Malta, il-preferenza tmur għall-karozzi hybrid, l-aktar fuq in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż. 

Min-naħa l-oħra, l-Għawdxin, jippreferu jmorru mill-ewwel għal karozza elettrika. Forsi għal Għawdex, fejn id-distanzi huma inqas u t-traffiku minimu, vettura elettrika tagħmel aktar sens.

Fin-naħa ta’ isfel tal-pajjiż, id-differenza hija inqas ċara, anke jekk il-maġġoranza xorta waħda wieġbu li jippreferu jixtru karozza elettrika jew inkella hybrid.

L-edukazzjoni tagħmel differenza kbira fl-għażliet

Id-differenza, toħroġ aktar ċara fejn tidħol l-edukazzjoni. Fil-fatt, aktar ma’ persuna tkun irċeviet edukazzjoni, aktar hemm ċans li tagħżel karozzi li jniġġsu inqas.

Fil-fatt, minn fost dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja, jiġifieri li komplew jistudjaw wara s-sixth form, 40.7% qalu li jixtru karozza hybrid u 28.1% qalu li jixtru karozza elettrika. Dan ifisser li kważi 68.8% jagħżlu karozza li tniġġes inqas.

Għalkemm xi ftit inqas, anke dawk li waqfu sal-edukazzjoni post-sekondarja (sixth form) jew inkella sa edukazzjoni sekondarja, se jippreferi li jixtru karozzi li jniġġsu inqas.

Madanakollu, l-istampa hija għal kollox differenti fost dawk li waqfu sal-primarja. Għalkemm il-maġġoranza assoluta ma weġbux għal din il-mistoqsija, il-maġġoranza relattiva, jiġifieri 17.8%, qalu li jixtru karozza li taħdem bid-diesel. 16.8% qalu li jixtru karozza elettrika u 5.4% biss qalu li jixtru hybrid. 

Fil-fatt, din kienet l-uniku kategorija ta’ parteċipanti li jippreferu jagħżlu l-karozzi li jaħdmu totalment bil-fjuwil (25%) minflok dawk li jniġġsu inqas (22.1%), għalkemm id-differenza xorta mhijiex kbira.

Bejn il-kliem u l-fatti...

Dan jawgura tajjeb għal futur u juri li qed tiżdied il-kuxjenza ambjentali anke jekk bejn l-intenzjoni u d-deċiżjoni finali hemm ftit baħar jaqsam. Fil-fatt, meta l-gazzetta ILLUM tkellmet mal-importaturi u l-aġenti ewlenin tal-karozzi f’Malta, kollha qablu li għalkemm qed jiżdiedu dawk il-klijenti li jistaqsu direttament għall-karozzi elettriċi jew inkella hybrid, ħafna jispiċċaw jixtru karozza li taħdem bil-fjuwil għax huma irħas.

Fil-fatt, wieħed mill-importaturi kien spjega kif karozza elettrika second hand li jkollha madwar 20 elf kilometru tkun tiswa madwar €13,000 u dan meta waħda li taħdem bil-fjuwil tkun xi €7,000. Qal li l-irħas karozza elettrika li hawn bħalissa fis-suq tibda minn €30,000.

L-importaturi u l-aġenti kollha qablu li allaħares ma jkunux l-iskemi tal-Gvern biex aktar persuni jagħżlu karozzi elettriċi jew hybrid, għax kieku jkun hawn aktar persuni li jaqtgħu qalbhom.

Apparti minn hekk, qalu l-istess aġenti, ftit li xejn hawn persuni mħarrġa li jaħdmu biex isewwu karozzi elettriċi li jkollhom ħsara fil-mutur.

Intant, l-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO)  turi li għadna lura mmens. Il-vetturi elettriċi jew hybrid, jammontaw għal 1.5% biss tal-vetturi li hawn f’Malta. Dan ifisser li f’Malta hawn 6,017-il vettura li jaħdmu bl-elettriku jew li huma hybrid. Vetturi elettriċi jammontaw għal 1,293. 

Meta mqabbel mal-aħħar tal-2019, iż-żieda fil-karozzi elettriċi jew hybrid kienet ta’ 2,309 vettura. Fil-fatt, sal-aħħar tal-2019, il-vetturi elettriċi jew hybrid kienu ammontaw għal 0.9% biss tat-total. Vetturi elettriċi kienu jammontaw għal 1,038.

More in Politika