Il-Koħħu jgħid li apparti l-qtil ta' Daphne kien hemm pjan ieħor biex jinqatel uffiċjal tal-Pulizija

Vince Muscat jikkonferma wkoll li l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia kien pospost minħabba l-elezzjoni ġenerali

Vince Muscat, magħruf bħala ‘il-Koħħu’ qal li fi żmien li kienu qed jippjanaw biex joqtlu lil Daphne, kien hemm pjan biex jinqatel uffiċjal tal-Pulizija.

Muscat qal dan hekk kif dalgħodu kompla jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra George u Alfred Degiorgio wara li hu wieġeb ħati għall-assassinju u ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs.

Waqt il-kontro eżami, l-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-famija, staqsa lil Muscat jekk kienx hemm pjan biex jinqatel xi ħadd ieħor li kellu rwol jew pożizzjoni għolja.

Muscat wieġeb fil-pożittiv u insista li l-pjan kien li jinqatel uffiċjal tal-Pulizija. Qal li sa fejn jaf hu, dan il-pjan kien marbut ma' Robert Agius (Tal-Maksar) u Jamie Vella li wkoll qed ikunu akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil.

Waqt il-kontro eżami, Muscat ikkonferma wkoll li l-pjan biex tinqatel Daphne, fuq struzzjonjiet ta' Melvin Theuma, l-intermedjarju, kien pospost minħabba l-elezzjoni ġenerali tal-2017.

Qal li dak iż-żmien kien jaħseb li l-assassinju mhux se jseħħ iżda ftit wara, Melvin Theuma kien għadda €30,000bħala depożitu.

Mistoqsi jekk kienx jaf għaliex kellha tinqatel Daphne, Vince Musscat qal li Alfred Degiorgio kien qallu li Daphne Caruana Galizia kellha tippubblika xi dettalji dwar xi storja.

Aqra wkoll:

More in Politika