George Degiorgio kien jibgħat messaġġi lil Daphne; Il-Koħħu jsemmi mill-ġdid lil Chris Cardona

Vince Muscat jagħti d-dettalji dwar kif kellha tinqatel Daphne fl-2015 u jsemmi mill-ġdid lill-eks Ministru Chris Cardona u lill-Avukat David Gatt li kien jaħdem miegħu

George Degiorgio (Ritratt ta' MediaToday)
George Degiorgio (Ritratt ta' MediaToday)

Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, qal li George Degiorgio kien ġab in-numru tal-mowbajl ta’ Daphne Caruana Galizia mingħand l-Avukat David Gatt u kien jibgħatilha l-messaġġi. Dan seħħ lura fl-2015 meta, skont il-Koħħu, kien hemm pjan ieħor biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi, waqt il-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Degiorgio, Vince Muscat ikkonferma li fl-2015 kien hemm pjan ieħor biex tinqatel Daphne.

Qal li darba, f’dak il-perjodu, David Gatt, avukat li għal xi żmien kien jaħdem ma’ Chris Cardona, l-eks Ministru, kien mar taħt it-tinda tal-patata fil-Marsa.

Ftit wara, George Degiorgio kien imbagħad qallu li kien se jiltaqa’ ma’ Chris Cardona "minħabba Daphne" u kien talbu jwasslu sa Portomaso. Mistoqsi mill-MaltaToday, Cardona ċaħad dan kollu u ddeskrivihom bħala "gideb sfaċċat."

Xehed kif Jamie Vella (li wkoll qed ikun akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil, iżda fi proċeduri separati ma’ Tal-Maksar), kellu razzett fil-Bidnija u kien ilu li urihom fejn kienet toqgħod Daphne Caruana Galizia.

Spjega wkoll kif kellu jseħħ dan l-assassinju. Qal li hu u George Degiorgio kienu jqattgħu bejn tliet u erba’ sigħat jgħassu d-dar ta’ Daphne.

Qal li l-pjan kien li George u Jamie kellhom jibblokkaw it-triq b’vann biex ikunu jistgħu jisparaw u joqtlu lil Daphne.

Il-Koħħu qal li kellhom arma tan-nar, AK47, li kienu ġabu minn barra. Qal li x’aktarx dan kien inxtara minn Jamie Vella.

Kien hawn li qal li George kellu n-numru ta’ Daphne li kien ġab mingħand l-Avukat Gatt.

Xehed kif kienu jivvintaw affarijiet u jibgħatulha l-messaġġi iżda qatt ma wieġbet. Ħlief darba waħda biss u kitbitlu hekk: “mhux imbilli qed tibgħatli l-messaġġi. Ma nafx min inti.”

More in Politika