Minn għada ristoranti/kiosks jagħlqu (take aways biss), daqshekk viżti l-Isptar u jirduppjaw il-multi

Jitħabbru numru ta' miżuri inkluż li ristoranti, kiosks u snack bars jistgħu biss joffru take-away - każini u bars jibqgħu magħluqin - sports li jinvolvi kuntatt għal dawk taħt is-16-il sena jiġi projbit - daqshekk viżti l-Isptar

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li minn ghada sal-11 ta' April ristoranti, kiosks, kafetteriji u snack bars se jagħlqu għall-pubbliku imma se jkunu biss miftuħin biex iservu take-aways.  Dan filwaqt li l-bars u każini se jibqgħu magħluqin, kif inhuma illum.  Ristoranti ta' guesthouses jistgħu biss jaqdu lill-klijenti tagħhom. 

B'seħħ immedjat il-viżti l-Isptar se jitwaqqfu kollha, ħlief fil-każ ta' Griżma tal-Morda,  filwaqt illi persuni jistgħu biss jiltaqgħu meta jkunu minn erba' familji differenti. 

Dan filwaqt illi se jirdoppjaw il-multi biex minn €3,000 issa se jsiru €6,000 għal dawk li jiksru r-regoli f'termini ta' attivtajiet tal-massa jew inkella organizzazzjoni ta' boat parties. 

Intant il-PM Robert Abela ħabbar ukoll illi l-isports li fih kuntatt personali se jkun projbit għal dawk ta' taħt is-16-il sena, imma jkompli bl-osservanzi u regoli eżistenti għal dawk 'il fuq minn 16-il sena. 

Attivitajiet ta' iktar minn 100 persuna ma jistgħux isiru, ħlief fil-każ ta' tiġijiet u funzjonijiet reliġjużi, li jibqgħu b'massimu ta' 100 persuna.  

Finalment tħabbar li se jerġa' jkun hemm imbuttatura biex aktar nies li jaħdmu mal-Gvern li jistgħu jaħdmu mid-dar, jagħmlu dan.  Dan mhux se jsir biss pero' għall-ħaddiema ta-Gvern imma wkoll qed jiġi inkoraġġut fl-ażjendi u uffiċċji privati - fejn hemm ukoll imxija tal-virus. 

"Se ninsisti mal-Pulizija u l-MTA ħalli il-ftit li baqgħu rresponsabbli jħallsu ta' għemilhom," qal il-Prim Ministru. "Il-programm ta' vaċċinazzjoni se jkompli jżid fir-rittmu biex b'dawn il-miżuri jibda jkollna tnaqqis fil-każi fiż-żmien li ġej," fakkar Abela.  Huwa qal ukoll illi Malta tinsab fuq quddiem fil-programm ta' vaċċinazzjoni ras għal ras, meta mqabbel mal-pajjiżi fl-UE. 

"Issa wasal l-aħħar sforz," sostna Abela li qal li magħqudin nistgħu nirbħu l-virus. 

Is-Suppliment tal-Pagi estiż sa Ġunju

Huwa ammetta li dawn il-miżuri "anke jekk ibbilanċjati" se jkollhom effett.  Għalhekk is-Suppliment tal-Paga se tkun estiża sa' Ġunju

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għamel elenku ta' fejn qed jiżdiedu l-każi fosthom fid-djar, f'laqgħat soċjali u fuq il-postijiet tax-xogħol u qal illi dawn il-miżuri qed jindirizzaw propju dawn il-postijiet fejn l-imxija hija akbar.

Illum - mill-ġdid -  irriżulta rekord ta' każi ta' Covid-19.

Fearne fakkar kif saru 720,000 swab test fl-aħħar sena u fakkar li dan involva xogħol qawwi, ta' kuljum minn eluf ta' frontliners fil-qasam tas-saħħa. "Qegħdin nagħtu eluf ta' dożi kuljum tal-vaċċin.  Sal-lum laqqamna 80% ta' dawk li għandhom aktar minn 80 sena, issa bdew ħerġin l-ittri lil dawk ta 'l fuq minn 60 sena ... issa irridu nibqgħu attenti li ma nħallux lil dan il-virus jirbaħ.  Anzi nirbħuha aħna t-tiġrija u nagħmlu dan fi żmien qasir." 

Intant is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci sostniet illi l-clusters huma akbar minn qabel u qalet illi l-varjant qed jinfirex aktar malajr "u allura rridu nkunu aktar attenti u diliġenti u responsabbli aktar."  Hija qalet illi l-ammont ta' nies 'il fuq minn 85 qed jimirdu inqas li juri illi l-vaċċin qed jaħdem, fost dawk li qed jieħduh.

Ara aktar x'qal il-PM Abela meta kien mistoqsi jekk għandux jagġmel apoloġija

 

More in Politika