It-tabib Jan Chircop b'kontro protest biex jiċħad l-allegazzjonijiet li kiseb b'qerq il-wirt ta' vittma tal-Covid-19

It-tabib Jan Chircop jisħaq li Mario Mangion (il-vittma) kienu qisu t-tieni missier tiegħu

It-tabib Jan Chircop ċaħad allegazzjonijiet li qed jagħmlu fuqu qraba ta’ vittma tal-Covid-19, jiġifieri li hu ħa vantaġġ minn ħuhom biex ikun jista’ jikseb il-wirt kollu tiegħu.

F’kontro-protest li ressaq it-Tnejn filgħodu, Chircop ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina u dak kollu li qalu l-aħwa Alberta u Jane Mangion.

L-aħwa Mangion ressqu protest ġudizzjarju kontra Chircop u n-nutar Joseph Cilia, jakkużawhom b’irregolaritajiet fit-testment ta’ ħuhom Mario Mangion, li fil-5 ta’ Frar miet bil-Covid-19.

Skont iż-żewġt aħwa, siegħa wara l-funeral ta’ ħuhom, Chircop infurmahom li hu kien l-uniku eredi ta’ Mario Mangion u tahom kopja tat-testment tal-vittma.

Fil-kontro protest, Chircop qal li Mario Mangion kien ħabib kbir tal-familja tiegħu u kien saħansitra jħares lejh bħala t-tieni missier. 

Insista li l-protest tal-aħwa Mangion imur kontra x-xewqa ta’ ħuhom.

“Mhuwiex minnu li t-tabib ħa pussess ta’ affarijiet li ma kienx awtorizzat li jieħu; mhuwiex minnu li aġixxa b’mod skorrett; mhuwiex minnu li kiseb kopja ta’ testment b’mod illeċitu u l-kopja li għandu f’idu kien tahielu Mario Mangion stess,” jaqra l-kontro protest.

Chircop qal li t-testment sar f’Ottubru 2020, erba’ xhur biss qabel Mario Mangion ġie infettat bil-Covid-19.

“Kull min ried jassisti lil Mario Mangion tul ħajtu, kif għamel it-tabib, seta’ għamel hekk minn jheddu,” qal Chircop waqt li saħaq li Mangion seta’ jagħmel li jrid bil-proprjetajiet tiegħu.

Huwa ħeġġeġ lil aħwa Mangion biex ma jibqgħux jagħmlu insinwazzjonijiet “frivoli,” u talbhom biex jirtiraw l-allegazzjonijiet.

Heddidhom ukoll b’azzjoni legali jekk jippersistu bl-allegazzjonijiet li ddeskrivihom “bla bażi.”

More in Politika