Jan Chircop iwieġeb: 'Jiena l-eredi ta' Mario Mangion u t-testment sar erba' xhur qabel il-mewt tiegħu'

Jan Chircop jisħaq li t-testment sar f'Ottubru, erba' xhur qabel il-mewt ta' Mangion...

It-Tabib Jan Chircop wieġeb għall-Protest Ġudizzjarju li fetħu żewġt aħwa li qed jakkużawh illi biddel it-testment ta' ħuhom bies seta' jieħu dak kollu li ħalla warajh inkluż proprjetà, flus, ġojjella u kalċi tad-deheb storiku.  Chircop qal li dak li qed jgħidu dawn l-aħwa huwa skorett "fattwalment u legalment" għalkemm ammetta li fit-testment hu tħalla bħala l-unika eredi ta' Mario Mangion.  "L-ewwel u qabel kollox, Mangion kienu qisu t-tieni missier tiegħi.  Ma kienx miżżewweġ u kellu żewġ aħwa, li t-tnejn ma żżewġux ukoll.  Jiena kont ukoll it-tabib ta' Mario ..." qal Chircop li sostna li hu kien ilu jaf lil Mangion minn mindu kellu disa' snin. 

Huwa qal li Mangion għaddielu kopja tat-testment fil-ġurnata li għamlu u talbu biex iżommu għandu.  Spjega kif jidher ċar li l-aħwa tiegħu ma kinux jafu bl-intenzjonijiet ta' ħuhom u kien għalhekk li qalilhom li hu kien l-eredi. Chircop qal ukoll li għadda xi flus li Mangion kien ħalla lill-aħwa tiegħu. 

"Jiena l-eredi ta' Mario Mangion skont it-testment li tani f'Ottubru li għadda, għad-diżappunt tal-aħwa tiegħu ... hija vera ħasra li qed juru nuqqas ta' rispett lejn dak li xtaq Mario," temm jgħid it-tabib.  

Joe Cilia jwieġeb għall-Protest Ġudizzjarju tal-aħwa ta' Mangion ukoll ...

In-nutar Joe Cilia intant sostna li l-akkuża talp-aħwa li hu rrilaxxa xi testment tal-mejjet kontra l-liġi hija "kompletament bla bażi u niċħadha." kompletament.

"Il-kopja tat-testment li qed isemmi il-protest gudizzjarju hija kopja li ninghatat direttament minni lit-testatur Mario Mangion innifsu li talabni kopja ta' kif inhu dak il-ħin stess li ghamilnieh u kif kellu dritt li jaghmel. Jiena infurmajtu, kif kien id-dmir tieghi, illi fil-fatt it-testment kien għad jrid jigi insinwat fir-Registru Pubbliku u qalli ma jimpurtax. Ovvjament, x'jagħmel bit-testment hu, hija prerogattiva esklussiva tiegħu. Ma nistax ninżamm responsabbli jien għal x'għamel hu bit-testment tiegħu u lil min jogġħbu jgħaddi kopja tiegħu," wieġeb Cilia. 

Huwa ikkonferma illi kuntrarjament għall-impressjoni mogħtija fil-Protest Ġudizzjarju tal-aħwa, l-aħħar testment li għamillu kien fis-7 ta' Ottubru 2020. 

"Sa issa ma nistax nikkkonferma permezz ta' riċerki testamentarji uffiċjali jekk it-testment in kwisjoni fil-fatt huwiex l-aħħar wieħed tal-mejjet peress li dawn għadhom fil-proċess li jsiru," temm jgġid l-eks Deputat Cilia. 

More in Politika