'Ċaħħadha mid-dritt tal-ħajja ... nesprimu tama li dak tal-lum jibda jwassal għal ġustizzja sħiħa'

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia tfakkar li Vince Muscat ċaħħad lill-ġurnalista mill-ħajja għalkemm tesprimi tama ...

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell
Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia fi Brussell

Il-familja ta' Daphne Caruana Galizia, b'reazzjoni għal dak li ġara llum - jiġifieri l-ammissjoni ta' Vince Muscat li kien involut fl-assasinju tal-ġurnalista - fakkru li Muscat ċaħħad id-dritt tal-ħajja ta' Caruana Galizia.  "Ċaħdilha d-dritt għall-ħajja tagħha u ċaħdilha d-dritt li tgawdi l-familja u n-neputijiet tagħha li twieldu wara li nqatlet." 

Huma fakkru illi l-qtil kien intenzjonat u jmissu ġie evitat.  

L-avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi, qal illi fid-dawl ta' dan il-familja Caruana Galizia qed tesprimi t-tama li dan il-pass jibda jwassal għal ġustizzja sħiħa għall-ġurnalista assasinata b'karozza bomba nhar is-16 ta' Ottubru 2017. 

Intant illum ukoll tħabbar l-arrest tal-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala Tal-Maskar u Jamie Vella, b'konnessjoni mal-provediment tal-bomba li qatlet lil Caruana Galizia.

Intant il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sostna li pajjiżna "sofra ħafna b'dan id-delitt ... Mhux biss bil-mod makabru li ġurnalista, omm u Maltija bħalna nqatlet quddiem id-dar tagħha stess, imma anke b'dak kollu li sirna nafu dwar l-involviment ta’ uffiċjali għolja fil-Gvern Laburista f'dan il-każ."

"Tliet snin u nofs ilhom jiġġieldu biex ma toħroġx il-verità. Però l-verità ser toħroġ. U lkoll għandna nibqgħu nassiguraw li toħroġ kollha," temm jgħid Bernard Grech. 

L-aħbar li wieħed mill-individwi akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia llum ammetta l-akkużi kollha kontrih...

Posted by Bernard Grech on Tuesday, February 23, 2021

Intant fil-Parlament il-Minstru tal-Intern Byron Camilleri saħaq illi dak li seħħ illum juri illi l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.  "L-istituzzjonijiet qed jaħdmu u xogħolna huwa li nħalluhom mjaħħdmu sabiex f'pajjiżna titwettaq ġustizzja."

More in Politika