Fid-dawl tar-rapport tal-Awditur din il-ġimgħa li sostna illi Malta mhix tiħaq il-miri nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart il-Ministru Aaron Farrugia sostna illi f’dawn l-aħħar xhur il-pajjiż għamel passi importanti fejn jidħol ir-riċiklaġġ. "Għalkemm Malta tidher li fil-passat setgħet waqgħet lura fejn tidħol din il-materja, kwalunkwe xejra li setgħet tidher negattiva din issa diġà ġiet indirizzata."
Farrugia qal dan waqt żjara fil-kumpless ECOHIVE flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca.
Huwa spjega kif wara l-investiment li sar f’Lulju tas-sena li għaddiet bil-ftuħ ta’ linja ġdida ġewwa Sant’Antnin, issa l-WasteServ ħa tkun qed tinvesti maż-żewġ miljun ewro biex tiftaħ linja oħra, din id-darba mekkanizzata, ġewwa l-kumpless ECOHIVE fin-Naxxar f’binja eżistenti.
Il-Ministru spjega li din il-linja se tkun qed tipproċessa madwar 41,000 tunnellati ta’ materjal li se jkun qed jiġi sseparat permezz ta’ makkinarju apposta li ħa jkun qed jiġbor u jagħżel b’mod awtomatizzat it-tipi differenti ta’ metall, kartun u plastik. Dan imbagħad ser ikun qed jiġi mballat sabiex ikun jista jiġi mibjugħ fis-suq.
Għaldaqstant, WasteServ għada kemm ħarġet sejħa għall-offerti għad-disinn u l-provvista ta’ dan it-tagħmir. Dan il-proġett ħa jkun qed jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea u mistenni jitlesta sa l-aħħar ta’ din is-sena.“Issa wasalna fil-punt biex nikkapitalizzaw fuq dawn is-suċċessi riċenti u nkompli ntejbu l-performance b’ dan l-investiment. Dan imur id f’id mal-miri tal-istrateġija li għadu kemm ippubblika l-Gvern fuq l-immaniġġar tal-iskart li għandha twassalna għal ammont rekord ta’ riċiklaġġ, liema ammonti se jkunu qed jiġu trattati f’ impjant ġdid li għandu jiġi ikkummissjonat fl-erba’ snin li ġejjin fil-kumpless ECOHIVE,” qal Farrugia.
Fir-rapport tiegħu aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Awditur jisħaq li prattiki inadegwati ta’ separazzjoni fis-sors qed iwasslu sabiex plastik li għandu potenzjal li jiġi riċiklat qed jispiċċa mormi fil-miżbla; sitwazzjoni li għandha l-ogħla impatt negattiv f’termini finanzjarji u ambjentali.
Ikkonkluda wkoll li l-maġġoranza tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tal-iskart qed joħroġhom il-gvern u dan imur lil hinn mill-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.
Min-naħa tiegħu Richard Bilocca spjega kif dan l-investiment se jkun qed jassigura proċess ta’ separazzjoni iktar effiċjenti u li finalment jwassal għall-skart riċiklabbli ta’ kwalità superjuri b’ potenzjal ikbar sabiex dan jerġa jidħol fil-katina tal-provvista.
Il-Ministru Farrugia qal li dan l-invesitment juri l-impenn serju tal-Gvern sabiex ikompli ttejjeb il-performance ambjentali tal-pajjiż. Dan għandu jtejjeb ukoll is-sistema tal-immaniġġjar ta’ l-iskart billi jżid ir-rata ta’ riċiklaġġ.