'Malta mhux tilħaq il-miri nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart' - L-Awditur Ġenerali

L-Awditur jisħaq li prattiki inadegwati ta’ separazzjoni fis-sors qed iwasslu sabiex plastik li għandu potenzjal li jiġi riċiklat qed jispiċċa mormi fil-miżbla

"Malta mhix qed tilħaq il-miri nazzjonali u Ewropej fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, inkluż fejn jidħol l-iskart magħmul mill-plastik." Hekk ikkonkluda r-rapport ippreżentat illum lill-Ispeaker Anġlu Farrugia mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara.

Fir-rapport, l-Awditur jisħaq li prattiki inadegwati ta’ separazzjoni fis-sors qed iwasslu sabiex plastik li għandu potenzjal li jiġi riċiklat qed jispiċċa mormi fil-miżbla; sitwazzjoni li għandha l-ogħla impatt negattiv f’termini finanzjarji u ambjentali.

Ikkonkluda wkoll li l-maġġoranza tal-ispejjeż relatati mal-immaniġġjar tal-iskart qed joħroġhom il-gvern u dan imur lil hinn mill-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas.

Ir-rapport ifakkar li l-Gvern qed joħroġ sovvenzjoni annwali lil WasteServ, li fl-2019 ammontat għal €33 miljun. Din l-allokazzjoni tinkludi l-ispejjeż relatati mal-ftehim ta’ kumpens bejn WasteServ u ż-żewġ skemi li jirkupraw skart mill-ippakkettjar tal-prodotti.

"Iżda dan tal-aħħar ma jirriflettix l-ispejjeż relatati mat-trattament tal-iskart u n-nefqa biex jiġi estrapolat u esportat ir-Refuse-Derived Fuel. Apparti minn hekk, il-miżata ta’ €20 kull tunnellata li titħallas lil WasteServ biex jiġi mormi l-iskart fil-miżbla ma tkoprix l-ispejjeż attwali, li huma stmati li jammontaw għal €74 kull tunnellata. L-awtoritajiet nazzjonali jikkontendu li fatturi soċjo-ekonomiċi huma r-raġunijiet prinċipali għal din id-devjazzjoni mill-prinċipju ta’ min iħammeġ iħallas," saħaq l-Awditur.

Spjega wkoll kid il-kollass riċenti tas-suq tar-riċiklaġġ u diffikultajiet operattivi li seħħew fl-2017 minħabba l-inċident li waqqaf ix-xogħol tal-impjant ta’ Sant’ Antnin wasslu sabiex WasteServ iġġarrab nuqqas sproporzjonali fid-dħul finanzjarju u għalhekk din l-entità ma setgħetx tirkupra l-ispejjeż relatati mat-trattament tal-iskart.

"Dawn iċ-ċirkustanzi jqajmu mistoqsijiet dwar kemm il-ftehim eżistenti jaħseb biżżejjed għall-qsim tar-riskji u tar-responsabbilitajiet bejn WasteServ u l-Iskemi," saħaq l-Awditur.

Insista li Il-Gvern qed jirrikonoxxi li hemm problemi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart u hemm impenn politiku qawwi li jiġu allokati madwar €500 miljun biex jiġu estiżi u aġġornati l-faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta.

"Dan l-investiment ma jistax jilħaq il-milja tiegħu sakemm ma jiġix ikkumplimentat bl-adozzjoni ta’ prinċipji bbażati fuq l-ekonomija ċirkolari, li jgħinu sabiex jintlaħqu l-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Barra minn dan, hemm bżonn ta’ sforz kollettiv mill-partijiet kollha, fosthom dawk politiċi, amministrattivi, industrijali u l-konsumaturi, flimkien ma’ sforzi sabiex titnaqqas il-produzzjoni ta’ din il-materja mill-ewwel sabiex jiġu mitigati r-riskji ambjentali u għas-saħħa," temm jisħaq l-Awditur.

L-Awditur Ġenerali jagħmel diversi rakkomandazzjonijiet li wieħed jista' jsibhom fir-rapport.

More in Politika