'Fenech kien qal lil Schembri li ma hemmx triq oħra ħlief li joqtol lil Daphne' - Jixhed Melvin Theuma

Melvin Theuma llum xehed waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat

L-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma qal li Yorgen Fenech, l-allegat mandant, kien qal lil Keith Schembri li ma kienx hemm “triq oħra” għajr li joqtol lil Daphne Caruana Galizia.

Theuma qal dan waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, akkużati li kienu huma li poġġew il-bomba li qatlet lill-ġurnalista.

Tul is-smigħ tal-lum, Theuma ġie mistoqsi dwar uħud mill-konversazzjonijiet li hu kellu ma’ Fenech. 

Theuma qal li dak iż-żmien, meta kien beda jirrekodja l-konversazzjonijiet ma’ Fenech, kien konvint li Keith Schembri kien involut fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fenech qal li kien Schembri li kien bagħat lil Kenneth Camilleri, uffiċjal tas-sigurtà ta’ Joseph Muscat, biex jgħidlu li l-aħwa Degiorgio kienu se jieħdu l-ħelsien mill-arrest.

“Kien hu (Schembri) li kien qed jgħaddi informazzjoni lil Yorgen Fenech. Hekk qalli Yorgen,” insista Theuma,

Insista li peress li Fenech kien jgħidlu hekk, kien jemmen li qatt mhu se jinqabdu, għax Schembri kien b'saħħtu.

Qal li jiftakar lil Yorgen Fenech jgħidlu li l-Pulizija kienu sabu mowbajl fil-baħar, viċin it-tinda tal-patata, fejn kienu ġew arrestati t-tliet akkużati u li fuqu kien hemm biss numru wieħed, jiġifieri dak ta’ Chris Cardona, dak iż-żmien Ministru.

Fenech qallu li kien Keith Schembri li tah din l-informazzjoni, kompla jisħaq l-intermedjarju.

Madanakollu, Melvin Theuma qal li aktar ma għadda ż-żmien, aktar ikkonvinċa ruħu li Keith Schembri ma kellux x’jaqsam mal-qtil.

“Sa fejn naf jien, il-mandant kien Yorgen Fenech ta’ Tumas. Kien hu li qabbadni,” qal Schembri.

Tenna dak li ġieli qal fil-Qorti, jiġifieri li kien jemmen li Keith Schembri wkoll kien imdaħħal, iżda saħaq li taħt ġurament, ma jistax jikkonferma dan. 

Insista wkoll li Silvio Valletta, li dak iż-żmien kien Assistent Kummissarju u għal xi żmien mexxa l-investigazzjoni dwar l-assassinju, kien ukoll jgħaddi informazzjoni lil Fenech.

Qal li jiftakar li darba kien fl-uffiċċju ta’ Yorgen Fenech, f’Portomaso u kien qallu li kellu jmur Valletta, biex jieħdu “whisky” flimkien.

Il-każ ikompli nhar il-Ġimgħa.

More in Politika