Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija qal illi nhar il-Ħadd stess wara rapporti dwar l-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u relazzjoni li jidher illi kellu ma' Yorgen Fenech, mill-ewwel infetħu l-investigazzjonijiet.
"Valletta ġie mitkellem fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija dwar dawn l-allegazzjonijiet illi qegħdin isiru. L-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu u fuq kull allegazzjoni li saret, għadhom għaddejjin," temmet tgħid l-istqarrija.
Valletta qed ikun investigat wara rapporti nhar il-Ħadd illi hu kien siefer ma' Yorgen Fenech, biex jara logħoba futbol f'Londra. Din is-safra seħħet meta Fenech kien diġa suspettat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Mal-ħin bdew ħerġin aktra fatti li juru illi Valletta kien ħabib ta' Fenech, xi ħaġa li wasslet biex il-Ministru Justyne Caruana tirriżenzja ftit biss wara li kienet ikkonfermata fil-kariga mill-PM Robert Abela.