Gauci ma tweġibx dwar il-curfew u l-MHRA tgħid li hija proposta 'kontroproduttiva'

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika ma tesprimiex ruħha dwar il-proposta ta' curfew imma l-MHRA tgħid li hija proposta li tista' twassal biss għal aktar diffikultajiet

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci sostniet li l-miżuri l-Gvern qed jeħodhom skont dak li jkun qed iseħħ madwarna.  Minkejja dan, hi ma weġbitx direttament dwar jekk taqbilx jew le mal-proposta tat-tobba dalgħodu għal curfew sad-9:00 p.m u iktar infurzar bħala miżuri kontra l-pandemija. 

Illum tħabbru illi mietu tliet persuni oħra li kellhom il-Covid-19, filwaqt illi f'24 siegħa kien hemm b'kollox 201 każ ta' persuni li fiequ u 1476 każ ġdid tal-virus.

Gauci sostniet illi l-miżuri li jieħu l-Gvern huma skont is-sitwazzjoni, fost oħrajn fl-Isptar, fejn tfakkar li hemm 18-il persuna fl-ITU. 

Minn naħa l-oħra l-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) ma tantx qagħdet lura fil-kritika tagħha kontra curfews u sejjħet proposta simili bħala, "drakonjana, mhux neċessarja u kontroproduttiva."

L-MHRA qalet illi dawn joqtlu lin-negozji li jiftħu billejl u sostniet illi minflok għandu jkun hemm iktar infurzar.  'L-introduzzjoni ta' kwalunkwe forma ta' curfew mhux biss twassal għal aktar diffikultajiet għas-settur tal-ospitalità imma ma twassalx biex jintlaħqu l-għanijiet illi tkun ikkontrollata  l-imxija tal-Covid-19."

More in Politika