It-tobba jipproponu curfew fi tmiem il-ġimgħa biex ħadd ma joħroġ wara d-9pm

It-tobba qalu li dan il-curfew għandu jidħol fis-seħħ għal tmiem il-ġimgħa fil-ġimagħtejn li ġejjin u jekk hemm bżonn anke fil-ġranet tal-Karnival

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija tinsab imħassba bl-għadd kbir ta' każi ġodda tal-Covid-19 u għalhekk qed tipproponi curfew mil-Ġimgħa għas-Sibt, li jidħol fis-seħħ wara 9pm għal minn tal-inqas ġimagħtejn u aktar infurzar f'żoni bħal Paceville u Buġibba.

L-istess curfew, ikomplu t-tobba, għandu jkun impost ukoll għal jumejn wara Ħadd il-Karnival.

Fi stqarrija, il-MAM qed tisħaq li minħabba ż-żieda fil-każi, l-isptar Mater Dei, partikolarment is-swali, dalwaqt ikollhom jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli fejn ma jlaħħqux mal-pazjenti. Qalu wkoll li l-contact tracing qiegħed lura b'diversi ġranet u kważi kważi sar ineffettiv.

It-tobba kkwotaw ukoll stħarriġ tal-Ewrobarometru li juri kif 83% tal-Maltin huma mħassba u inkwetati li għad jaqbadhom il-virus. Din kienet l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li faħħru l-koperazzjoni tan-nies għax ħafna huma dawk li qed jilbsu l-maskra u jsegwu l-miżura tad-distanza soċjali, fakkru li kien hemm numri iżgħar li għażlu li jinjoraw il-pariri bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena u dan wassal għal żieda sostanzjali fil-każi.

Insistiet li hi ilha żmien twissi li l-każi l-ġodda kuljum għandhom jinżammu taħt il-100, għax inkella s-sistema tas-saħħa mhux se tkampa. 

"Issa ninsabu viċin ħafna li dan iseħħ," insistew it-tobba.

Propju għalhekk li appellat lill-awtoritajiet biex immedjatament jieħdu l-miżuri kollha li huma neċessarji biex jinqata' 'ċ-ċirku vizzjuż' ta' dawk li qed jieħdu r-riskju, qed jattendu għal attivitajiet soċjali fi tmiem il-ġimgħa u mbagħad ixerrdu l-virus mal-qraba u l-kollegi tagħhom.

Intant, ilbieraħ, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li restrizzjonijiet ġodda jidħlu jekk jiżdiedu ħafna l-pazjenti f'Mater Dei u anke fl-ITU waqt li insista li bħalissa r-riserva tas-sodod u anke tal-ventilators għadha tajba ħafna.

More in Politika