Fearne jgħid li restrizzjonijiet ġodda jiddaħħlu jekk jiżdiedu ħafna l-pazjenti fl-isptar u fl-ITU

Insista li l-awtoritajiet tas-saħħa ma jħarsux biss lejn il-każi l-ġodda mħabbra kuljum imma anke lejn is-sitwazzjoni fl-isptarijiet

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda kontra l-Covid-19 jiddependu fuq kemm ikun hemm pazjenti fit-Taqsima tal-Kura Intenvia f’Mater Dei.

Fl-aħħar jiem u ġimgħat, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu li mhux jeskludu l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri restrittivi hekk kif il-każi qed ikomplu jiżdiedu.

“Aħna mhux interessati biss fin-numru ta’ każi ġodda, imma anke fuq l-għadd ta’ persuni li qed jiddaħħlu l-isptar u fl-ITU,” insista Fearne.

Qal li s-sitwazzjoni tal-ITU għadha waħda stabbli u insista li l-isptar għad għandu riserva tajba ta’ sodod u anke ventilators.

Fearne appella wkoll lil kulħadd biex jibqa’ viġilanti u anke jsegwi l-miżuri u r-restrizzjonijiet imposti.

Għadd ta’ assoċjazzjonijiet u organizazzjonijiet qed iħeġġu lil Gvern biex jintroduċi aktar restrizzjonijiet, partikolarment għal żmien il-Karnival.

Bosta qed jibżgħu li fi żmien il-Karnival, jekk ma jkunx hemm restrizzjonijiet, se jerġa’ jkun hemm żieda fil-każi kif ġara fi żmien il-Milied.

Dan wara rapporti li s-settur tal-Farmhouses jidher li qed ikollhom domanda pjuttost qawwija għal bookings bejn it-12 u s-16 ta’ Frar, anke jekk fin-Nadur mhu se jsir xejn minħabba l-pandemija.

More in Politika