Is-Soċjetà ta' Stella Maris tippretendi li jittieħed azzjoni fuq 'sperġur għal xhieda mhux veritiera'

Fi stqarrija estensiva s-Soċjetà Mużikali Stella Maris tgħid illi s-sede tagħha huwa proprjetà tal-Gvern u li l-utilisti jagħlqilhom iċ-ċens seba' snin oħra - Tisħaq illi kien hemm qbil taċitu għalkemm tirrifjuta li qatt bniet sular ieħor fuq il-binja eżistenti u tgħid li fil-Qorti intqalu affarijiet li mhumiex minnhom

Il-binja in kwistjoni f'Tas Sliema, sede tal-Każin
Il-binja in kwistjoni f'Tas Sliema, sede tal-Każin

Is-Soċjetà Mużikali ta' Stella Maris - f'nofs kontroversja wara deċiżjoni tal-Prim Imħallef fil-Qorti Kostituzjonali - sostniet illi tippretendi illi wara li xhieda - skont hi - ma qalux il-verità fil-proċeduri li waslu għad-deċiżjoni kienet tippretendi li jittieħdu passi ta' sperġur kontrihom.  "Is-Soċjetà kienet tippretendi illi jittieħdu passi ta’ sperġur fil-konfront ta’ min xehed falz u qal gideb fil-Qorti, u mhux dan jitħalla għaddej qisu qatt ma’ kien xejn."

Fl-istqarrija s-Soċjetà kienet qed tirreaġixxi għax-xhieda u għall-każ li wassal biex il-Prim Imħallef qal li emenda li daħħal dan il-Gvern kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni.  Fil-Qorti intqal li s-Soċjetà Mużikali Slimiża għamlet bidliet strutturali li qatt ma nfurmat lis-sidien bihom u allura dan ifisser li l-kuntratt kellu jtwaqqaf u s-sidien jieħdu l-proprjetà lura.  Dan minkejja li s-soċjetà qed tisħaq li dawn mhumiex sidien imma biss utilisti ta' proprjetà tal-Gvern. 

Il-gazzetta ILLUM ta' nhar il-Ħadd li għadda kienet irrappurtat kif is-Soċjetà se tkun qed tirritalja d-deċiżjoni permezz ta' appell.

Fi stqarrija iżda s-Soċjetà Mużikali filwaqt li fakkret li l-post ilu jservi ta' każin għal madwar 100 sena, fakkret ukoll li dan qatt ma kien residenza u allura mhuwiex każ illi jinfeda d-dirett dominju tiegħu.  Qalet ukoll illi matul dawn is-snin is-soċjetà dejjem inżammet responsabbli għal kwalunkwe riparazzjonijiet u manutenzjoni, "ta’ kwalankwe natura; ordinarji u anke dawk straordinarji."

Iżda aktar minn hekk fl-istqarrija ffirmata mis-Segretarju Joseph Bugeja ntqal li mhu minnu xejn li s-soċjetà żiedet xi sulari.  "Dan jirriżulta tant ċar minn ritratti tal-Google Earth u anke minn ritratti antiki fejn jidher mingħajr ekwivoku illi kien jeżisti s-sular in kwistjoni," sostniet is-Soċjetà. (Ara ritratt).

Fl-istqarrija ntqal li x-xogħol magħmul kien fi strutturi li kellhom ħsarat kbar u kienu ta' periklu, "u li partijiet minnhom kienu msaqqfa bl-asbestos u allura kellhom jitneħħew għal raġunijiet ta’ saħħa."  Intqal ukoll li mhux vera li tneħħa xi garigor, li tgħid illi fil-fatt għadu hemm u li "mhu minnu xejn dak li xehdet waħda mill-utilisti illi fuq il-bejt kien hemm biss gallinari u li kienu saru xogħlijiet bla permess tal-awtoritajiet ikkonċernati."

L-istqarrija, pjuttost twila, li tidħol f'kull dettall tal-binja u x-xhieda tgħid ukoll li wieħed minn dawk li għalissa huma is-sidien (għaliex il-proprjetà hija tal-Joint Office u tmur lura għand il-Gvern madwar seba' snin oħra) kien mar fuq il-post malli bdew ix-xogħolijiet u "ma wera' ebda sinjal ta’ oġġezzjoni jew oppożizzjoni. Bla dubju din fiha nfisha tammonta għal kunsens taċitu," tkompli s-Soċjetà. 

"Mhux hekk biss, iżda wara li kienet saret tali vizta minn wieħed mill-utilisti, l-istess utilisti aċċettaw il-ħlas tal-kera, għal darba darbtejn.  Dan juri bl-aktar mod ċar illi l-utilisti kienu taw għal darba, darbtejn, il-kunsens tagħhom għal dak illi kien qed isir,"  tgħid is-soċjetà. 

Hija tfakkar li dawn il-persuni mhumiex is-sidien tal-proprjetà u ma tistax tifhem kif punt tant bażiku "jiġi injorat mill-Qorti tal-Appell u dan il-każ qed jitqabbel ma’ fejn min qed jieħu l-azzjoni legali huwa s-sid tal-proprjetà u mhux sempliċiment utilista illi wasal lejn l-aħħar tat-terminu tiegħu," ittemm tgħid is-Soċjetà Mużikali Stella Maris. 

Kjarifika mis-sidien tal-binja: B' sentenza parzjali tat-23 ta' Ottubru, 2018, il-Qorti tal-Appell warrbet l-eċċezzjonijiet tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris u sabet li fil-fatt kienet għamlet tibdiliet strutturali estensivi fil-fond mingħajr il-kunsens tas-sidien u bi ksur tal-kuntratt ta' kiri taghhom. Din is-sentenza parzjali hija res judicata.

Kif kien gie zvelat mill-gazzetta ILLUM kien biss bl-emendi li saru fl-2018 li l-Qorti ma setghetx imbaghad tordna l-iżgubrament tas-Soċjetà. Għaldaqstant is-sidien għamlu Kawża Kostituzzjonali dwar din il-ligi li, skont it-talbiet tagħhom tmur kontra d-drittijiet fundamentali tagħhom. Din il-kawża qiegħda fi stadju ta' appell wara li l-ewwel Qorti sabet favur is-sidien.

More in Politika