Ta' Stella Maris se jirritaljaw b'appell wara d-deċiżjoni tal-Qorti li tista' tħallihom żgumbrati

Uffiċjali tal-Banda Stella Maris jiżvelaw mal-ILLUM li se jappellaw mid-deċiżjoni tal-Prim Imħallef li lbieraħ iddikjara emenda li daħħal il-Gvern preżenti fl-2018 u li salvatilhom il-Każin bħala 'kontra l-Kostituzzjoni'.  Ifakkru li ċ-ċens jagħlaq sitt snin oħra ... 

Il-każin ta' Stella Maris f'Tas Sliema - li bħal Każini oħrajn jinsab maqbud f'battalji legali mas-sidien - se jkun qed jappella minn deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali tal-bieraħ illi fiha kien deċiż li emenda fil-liġi mill-Gvern li "salvat" lill-istess każin mill-iżgumbrament tmur kontra l-Kostituzzjoni. 

Uffiċjali tas-soċjetà mużikali Slimiża qalu mal-ILLUM li se jappellaw din id-deċiżjoni fuq kwistjoni li ddeskrivew bħala "vendikazzjoni" kontrihom mis-sidien u dan għaliex iċ-ċens fuq din il-proprjetà skedata (Grad 2) se jagħlaq sitt snin oħra meta l-proprjetà allura terġa tiġi f'idejn il-Gvern.  Il-binja in kwistjoni fil-fatt hija tal-Joint Office.  L-uffiċjali tal-Każin qalu lil din il-gazzetta li mhu minnu xejn li nbniet struttura fuq il-binja preżenti, li jgħidu illi ilha hemmhekk aktar minn 100 sena u jisħqu illi kuntrarjament għal dak li kien irrappurtat il-kera hija ħafna ogħla minn €174 fis-sena.  

Kienet il-gazzetta ILLUM li nhar it-30 ta' Ottubru 2018 żvelat kif il-Każin ta' Stella Maris kien qrib li jiġi żgumbrat u jispiċċa mingħajr sede, imma kienet emenda li kien ħabbar il-Gvern - dak iż-żmien permezz tal-Ministru Owen Bonnici- li dan ma seħħx.  Il-Gvern, fid-dawl ta' pressjoni qawwija minn madwar 19-il soċjetà mużikali li kienu fil-periklu li jitilfu s-sede tagħhom u wara rapporti esklussivi fuq il-gazzetta ILLUM, kien ħabbar emenda illi permezz tagħha soċjetà mużikali ma tistax tiġi żgumbrata mill-Qorti jew il-Bord tal-Kera jekk twettaq xogħolijiet fil-każin, relatati mal-ħidma tal-istess għaqda, mingħajr ma tavża lis-sidien.  Il-Gvern kien ħabbar ukoll li din l-emenda kienet retroattiva u allura tgħodd għal kull każin tal-banda li għamel xoxgħolijiet strutturali relatati mal-ħidma tal-għaqda. 

Il-Gvern kien għamel din l-emenda biex, skont hu, jipproteġi lill-każini u soċjetajiet mużikali li altrimenti ħafna minnhom li mhumiex sidien tal-proprjetà minn fejn joperaw,  kienu se jispiċċaw barra. 

Kif beda kollox?

Il-kwistjoni kollha bdiet meta kien żvelat illi l-Qorti ddeċidiet li titlob lis-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule biex tiżgombra mill-każin wara li familja minn dawk illi mingħandhom kienu qed jikru l-każin ilmentaw illi ma ġewx ikkonsultati dwar xi alterazzjonijiet strutturali fil-binja.

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif b'kollox kien hemm 20 każin li kienu "taħt mannara" minħabba d-deċiżjoni fil-konfront tas-Soċjetà Mużikali ta' Raħal Ġdid, fosthom iż-żewġ każini tal-Ħamrun (Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħamrun A.D. 1889 u Għaqda Mużikali San Gejtajnu Ħamrun A.D. 1906). 

Kien hawnhekk li daħal il-Gvern bl-emenda kontra l-iżgumbrament. 

Każ ieħor kien dak tal-Banda King's Own fil-Belt Valletta fejn il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet iddeċidiet illi minħabba l-kera - li hija persentaġġ ċkejken ħafna mill-valur ta' kera kummerċjli fil-Belt Valletta - u minħabba li l-istess każin kellu fih attività kummerċjali (bar u ristorant) kien qed jintefa' piż sproporzjonat fuq is-sidien. 
Il-Gvern kien ordnat iħallas kumpens ta' €610,700 f'danni lis-sidien tal-proprjetà fejn hemm l-għaqda mużikali.

X'iddeċidiet il-Qorti lbieraħ?

Il-Prim Imħallef ilbieraħ iddeċieda illi l-emenda li kien daħħal il-Gvern fl-2018 mhijiex fl-interess pubbliku u fakkar li l-Gvern "ma għandux poter bla limitu li jintroduċi leġiżlazzjoni li timpatta deċiżjonijiet tal-Qorti.

More in Politika