Infrastructure Malta twieġeb dwar il-proġett fl-Imrieħel

... tgħid li l-proġett qed isir biex it-triq tkun iktar sigura u tisħaq li l-proġett għadu fl-ewwel stadji tiegħu 

Infrastructure Malta f'reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu li saret mill-Moviment Graffitti, qalet illi l-proġett tal-Imrieħel li jinkludi flyover qed isir għaliex "is-salib it-toroq bejn Vjal ir-Royal Malta Artillery u Triq in-Negozju, hemm kisra perikoluża li ilha biex titneħħa snin twal peress li fiha ta’ spiss iseħħu aċċidenti serji. Dan il-proġett mhux se jsir biex il-Bypass titwessa’, tant li din se tibqa’ kif inhi llum, b’żewġ korsiji kull naħa."

L-entità qalet illi fil-post saru diversi inċidenti tat-traffiku wkoll filwaqt li qalet li se jsiru bankini, li ma hemx fit-triq kif inhi bħalissa. 

Infrastructure Malta iċċarat li dan il-proġett fil-Bypass tal-Imrieħel għadu fl-ewwel stadji tal-ippjanar tiegħu u li ma kien hemm l-ebda tentattiv li jitwettaq bil-moħbi.

"Fil-fatt, is-sidien tal-artijiet li tkellmu fl-istess konferenza saru jafu bil-proġett li qed jiġi propost meta Infrastructure Malta ikkuntattjathom biex tniedi l-konsultazzjonijiet ma’ dawk kollha konċernati, sabiex tkun tista’ tiffinalizza d-disinji bl-inqas impatti negattivi possibbli. L-istess sidien tal-artijiet kienu mistiedna għal żewġ laqgħat ma’ Infrastructure Malta bħala parti minn dan il-proċess, fejn anke ngħataw kopja tal-pjanti preliminari."

L-entità temmet tgħid li meta l-pjanti tal-proġett ikunu ġew diskussi ma’ dawk kollha konċernati, fosthom l-awtoritajiet tal-ambjent u tal-ippjanar, il-proposta finali li titressaq lill-Awtorita tal-Ippjanar għad-deċiżjoni finali tkun miftuħa wkoll għall-pubbliku għal aktar konsultazzjoni, hekk kif isir normalment f’kull żvilupp ġdid.

'Gvern inkompetenti li ma jikkonsultax għax għalih xejn mhu xejn' - PN

Intant il-Partit Nazzjonalista wkoll irreaġixxa għal din il-konferenza wera'  solidarjeta’ mal-bdiewa li għandhom l-art tagħhom mhedda minħabba proġett ta’ flyover fl-inħawi tal-Imrieħel. "Dawn il-bdiewa ma ġewx ikkonsultati fit-tfassil tal-proġett.  Din hija l-inkompetenza tal-Gvern ta’ Robert Abela li ma jikkonsultax ma' min se jintlaqat l-aktar bil-proġett. Din mhix l-ewwel darba li Infrastructure Malta, li hija responsabbilta’ politika tal-Minsitru Ian Borg, tippjana  proġetti ta'  ftuħ ta' toroq bla konsultazzjoni ma' ħadd. Ir-residenti u l-Kunsilli Lokali ma jistgħux jibqgħu jiġu injorati fl-ippjanar tal-proġetti infrastrutturali ta' pajjiżna," temm jgħid il-partit. 

 

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex minnufih jikkonsulta qabel ma jkompli b'dan il-proġett.

More in Politika