L-eks Prim Ministru Joseph Muscat għadu qed jirrifjuta li jiċċara meta sar jaf li l-kumpanija 17 Black kienet dwar negozju komuni li Keith Schembri u Yorgen Fenech kienu qed jippjanaw li jkollhom flimkien.
Muscat qal lill-MaltaToday li ma għandu xejn xi jżid max-xhieda li ta lill-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, l-istess kif wieġeb lill-gazzetta ILLUM meta poġġiet quddiemu l-istess mistoqsija ftit jiem wara li xehed u ammetta li Keith Schembri kien qallu dwar 17 Black.
Minkejja dan, Muscat iddeċieda li jżomm miegħu lil Keith Schembri, tant li l-istess Schembri qal li hu qatt ma ntalab jirriżenja iżda kien hu li mar għand Muscat, dakinhar li ġie arrestat Yorgen Fenech, biex jirriżenja minn Chief of Staff.
Kien fi Frar tal-2017 meta Daphne Caruana Galizia semmiet l-ewwel darba l-kumpanija 17 Black. Matthew Caruana Galizia kien qal li ommu kienet ilha taf minn April tal-2016 b'din il-kumpanija, għalkemm mhux magħruf x'informazzjoni kellha dwarha.
Caruana Galizia nqatlet f'Ottubru tal-2017 u f'April tal-2018 id-Daphne Project żvela d-dettalji dwar il-kumpanija, fosthom li hi u l-kumpanija Macbridge kienu "target clients" tal-kumpaniji fil-Panama ta' Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Skont id-dokumenti ppubblikati, iż-żewġ kumpaniji kellhom jirċievu €150,000 fix-xahar minn dawn iż-żewġ kumpaniji.
Schembri kien ammetta li kien jaf biż-żewġ kumpaniji, iżda saħaq li ħadd ma ħa xejn minnhom. Madanakollu kien gideb meta kien qal li ma jafx ta' min kienet 17 Black.
Interessanti kif aktar kmieni din il-ġimgħa, fix-xhieda tiegħu, Schembri saħansitra qal li hu qatt ma kien jaf bil-kumpanija Macbridge u sal-lum ma jafx x'inhi jew inkella ta' min hi.
Mistoqsi aktar minn darba, Schembri insista li hu qatt ma semma din il-kumpanija mal-awdituri tiegħu Nexia BT.
Intant, l-allegazzjoni ta' 17 Black tefgħet dell qawwi fuq il-Gvern, partikolarment fuq l-istess Schembri u Mizzi hekk kif Yorgen Fenech, is-sid tagħha, kien ukoll shareholder u anke direttur tal-Electrogas.
Minkejja dan u minkejja li fil-kumpanija 17 Black daħlu flus minn Orion Engineering, l-aġent lokali tat-tanker tal-gass, Schembri insista quddiem l-inkjesta pubblika li din ma kellha xejn x'taqsam mal-Electrogas iżda twaqqfet biss għax hu kien qed jippjana negozju ma' Fenech meta jitlaq mill-politika.
Schembri wkoll ikkonferma li kien qal b'kollox lil Muscat iżda ma jafx meta. Insista biss li qatt ma għamel xejn minn wara dahar il-Prim Ministru.
Ta' min ifakkar ukoll li meta Yorgen Fenech ġie arrestat f'Novembru tas-sena li għaddiet u akkużat li huwa l-mandant tal-qtil ta' Caruana Galizia, Muscat ċaħad li kien jaf min hu s-sid tal-kumpanija 17 Black.