Il-PN jilqa’ l-introduzzjoni tal-insulin pumps u jappella għal estensjoni tas-servizz

Il-Partit Nazzjonalista jilqa' id-deċiżjoni tal-Gvern li jintroduċi l-insulin pumps għal tfal u adolexxenti b’dijabete Type 1, iżda jappella biex is-servizz jinfirex ukoll għal adulti insulin-dipendenti u biex jinħoloq Kumitat Parlamentari biex jissorvelja l-impatt fit-tul.

Mill-arkivji
Mill-arkivji

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Gvern se jintroduċi l-insulin pumps għal persuni taħt it-18-il sena li għandhom Dijabete tat-Tip 1, u sostna li ilu jippressa biex dan is-servizz isir realtà, bħal ma diġà sar f’numru ta’ pajjiżi Ewropej.

Fi stqarrija, il-PN feraħ lill-Għaqda Maltija kontra d-Dijabete għall-ħidma konsistenti tagħha tul is-snin biex titjieb il-kura offruta f’Malta u tingħata aktar għajnuna lill-familji milquta mill-kundizzjoni.

Il-PN saħaq li dan għandu jkun biss l-ewwel pass. Wara l-introduzzjoni inizjali, il-partit jistenna li l-pumps jiġu offruti wkoll lil adulti b’dijabete Type 1 u lil dawk b’tipi oħra ta’ dijabete li huma dipendenti fuq l-insulina.

Ir-riċerka, jgħid il-PN, turi li kontroll aħjar fuq id-dijabete jwassal għal inqas kumplikazzjonijiet u b’hekk għal kwalità ta’ ħajja aħjar, inkluż tnaqqis f’amputazzjonijiet u mard relatat mal-għajnejn, qalb, kliewi u nervituri.

Fl-aħħar nett, il-PN appella għall-ħolqien ta’ Kumitat Parlamentari informali bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni li jkun jista’ jevalwa kif dawn l-iżviluppi qed jaffettwaw il-ħajja tal-pazjenti u jnaqqsu l-piż fuq is-sistema tas-saħħa.

More in Politika