Petizzjoni sabiex Manoel Island issir art pubblika tilħaq 10,000 firma

Il-petizzjoni minn diversi għaqdiet sabiex Manoel Island issir park ta’ wirt nazzjonali tilħaq 10,000 firem

Ritratt: Moviment Graffitti
Ritratt: Moviment Graffitti

Il-petizzjoni parlamentari, mmexxija mill-għaqdiet Moviment Graffitti u Flimkien għal Ambjent Aħjar, li titlob li Manoel Island jinbidel f’part ta’ wirt nazzjonali laħqet 10,000 firem. Il-pass li jmiss huwa perjodu ta’ stennija sabiex jiġu aċċettati l-firem. 

"Is-sena 2025 hija opportunità storika għal Malta. Qatt mhu se jerġa’ jkun hemm opportunità oħra fejn dan il-kuntratt se jiġi rinegozjat. Tul ħajjitna, qatt mhi se terġa’ titfaċċa opportunità bħal din. U lanqas qatt iktar,” tgħid il-petizzjoni.

Fil-petizzjoni hemm mitlub sabiex Manoel Island tirritorn lill-pubbliku u ssir park nazzjonali minflokk tiġi żviluppata. Dan il-park ikollu faċilitajiet ta’ rikreazzjoni u spazji ħodor, b’restwar u preservazzjoni tal-bini storiku sabiex igawdih l-poplu.

“Aħna ħloqna din il-viżjoni - ta' Manoel Island bħala post li kulħadd jista' jgawdi - bħala ħolma. L-aħħar sitt ġimgħat urew li filwaqt li l-viżjoni tagħna tista' tidher qisha ħolma, hija viżjoni li ħafna nies iridu u jħossu li hija importanti. Hekk kif il-kampanja tkompli tissaħħaħ, nappellaw lill-Gvern u lill-MIDI biex jisimgħu din it-talba u flimkien ifasslu triq 'il quddiem li twassal għall-futur li lkoll irridu naraw,” qal Robert Louis Fenech, kelliem prominenti f’din il-kampanja.

L-attivisti nvoluti jgħidu li Malta m’għadiex il-Malta li kienet 25 sena ilu meta l-konsorzju ta’ kumpaniji privati (MIDI) ingħata konċessjoni sabiex issir żvilupp fuq Manoel Island.

Huma jkomplu jgħidu li din hija “opportunita’ perfetta” hekk kif bħalissa għaddejjin id-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-MIDI sabiex il-konċessjoni testendi d-data kurrenti ta’ Marzu 2026, li sa din id-data l-iżvilupp kollu kellu jkun lest.

“Issa wasal iż-żmien li l-mexxejja politiċi ta' Malta jqumu mir-raqda u juru x’inhu l-futur li għandhom f'moħħhom għall-pajjiż. L-isforzi biex ninvestu fi spazji ħodor f'żoni urbani huma pass pożittiv fid-direzzjoni t-tajba, iżda għad ma rajniex spinta ta’ veru biex noħolqu park pubbliku kbir ġdid,” tkellmet il-koordinatur tal-FAA, Astrid Vella.

L-attivisti appellaw lil kull min jaqbel mal-viżjoni tagħhom sabiex jiffirmaw il petizzjoni u jaqsmuha mal-oħrajn.

More in Politika