Muscat żamm lil Schembri Kastilja meta kien jaf li kellu negozju mas-suspettat bil-qtil ta' Daphne

Joseph Muscat ma keċċiex lil Keith Schembri minkejja li s-Servizzi Sigrieti kienu għarrfuh illi Yorgen Fenech kien suspettat bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u kien jaf li ċ-Chief of Staff tiegħu kellu negozju ma' Fenech (17 Black).  L-ILLUM tistaqsi lil Muscat għaliex ...

L-eks Chief of Staff Keith Schembri jitkellem mal-eks Ministru Konrad Mizzi
L-eks Chief of Staff Keith Schembri jitkellem mal-eks Ministru Konrad Mizzi

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat żamm lil Keith Schembri f'postu bħala Chief of Staff f'Kastilja minkejja li kif żvela hu stess nhar il-Ġimgħa kien jaf illi 17 Black hija negozju bejn Schembri u Fenech u minkejja li kien diġa' ġie infurmat mis-Servizzi Sigrieti li Fenech qed ikun trattat bħala s-suspettat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.  Il-gazzetta ILLUM ikkonfrontat lil Muscat b'dan il-fatt li jidher li inqabeż waqt l-inkjesta pubblika li saret nhar il-Ġimgħa, imma r-risposta tiegħu kienet waħda qasira u xotta, "xehedt u għidt biżżejjed."

Din il-gazzetta staqsiet hekk lill-eks PM:  'Ladarba int kont taf bl-eżistenza tar-rabta bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech fir-rigward ta' 17 Black, għalfejn ma neħħejtx lil Keith Schembri fil-mument li s-Servizzi Sigrieti qalulek li Fenech huwa suspettat?  Għax dan kien ifisser allura li ċ-Chief of Staff f'Kastilja kien qed jagħmel negozju mas-suspettat f'assassinju ta' ġurnalista.  Ma tħossx li kellek tkeċċieh malli waslet din l-informazzjoni għandek?'

Kien Muscat innifsu li din il-ġimgħa waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista li qal illi hu kien jaf illi 17 Black kienet negozju li kien hemm bejn Fenech u Schembri.  Tul ix-xhieda huwa faħħar lil Schembri diversi drabi bħala l-persuna li kienet ċċaqlaq l-affarijiet u tara li l-Ministri qed jagħmlu xogħolhom.  

Huwa ċaħad ukoll illi qatt kien hemm Kitchen Cabinet, li kien jiddeċiedi minn wara dahar il-Kabinett il-propju, u li kien indikah l-eks Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. 

Kienet l-avukat Therese Comodini Cachia li staqsiet lil Muscat jekk qattx staqsa lil Schembri dwar il-kumpanija 17 Black u s-sid tagħha. 
"Le. Qatt ma staqsejtu. Keith Schembri qalli li kienet relatata ma' negozju komuni li kellhom bejniethom (ma' Yorgen) u li ma kellha xejn x'taqsam mal-Electrogas," kompla.

Comodini Cachia tistaqsi wkoll għaliex kien iħalli lil Schembri jidħol għal-laqgħat mas-Servizzi Sigrieti meta kien ħabib ta' Fenech. 
Dwar is-Servizzi Sigrieti, Muscat talab li jixhed fil-privat. 

X'inhi 17 Black?

Il-kumpanija 17 Black kienet żvelata bħala target client tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville, kumpaniji fil-Panama miftuħin minn Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament.  Reuters u The Times bħala Daphne Project, kienu irrappurtaw kif  - allegatament - kienu għaddew mal-$1.4 miljun minn Rufat Baratzada - security f'sit ta' kostruzzjoni fl-Ażerbajġan - lejn 17 Black, filwaqt li allegatament għaddew ukoll $200,000 għal 17 Black mill-aġent tat-tanker tal-gass f'Delimara, xi ħaġa li dan ċaħad.

Intant iktar tard kien allegat li f'din il-kumpanija daħlu €4.6 miljun fi qliegħ mill-bejgħ ta' Windfarm fil-Montegro, lill-Enemalta.
Meta Carauna Galizia kienet bdiet tindika li għandha informazzjoni dwar 17 Black, din il-kumpanija biddlet isimha għal Wings Development.

Minkejja dan sa issa m'hemm ebda prova li dawn il-flus kienu laħqu għaddew f'Hearnville u Tillgate u lanqas hu magħruf iżda x'sar minn dawn l-€4.6 miljun.  Noor Bank kien għalaq il-kontijiet ta' 17 Black u $1.6 miljun lil Yorgen Fenech għax ħadd ma talab l-iffriżar ta' dawn il-flus, kien qal il-Kap tal-FIU tal-UAE.

 

More in Politika