It-tobba jaqbżu għal Fearne u Charmaine Gauci; Saħansitra jinsistu favur aktar miżuri restrittivi

L-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba kkundannat il-protest ġuddizjarju “bla sens u bla bażi” li tressaq il-Qorti lbieraħ kontra l-Professur Charmaine Gauci u l-Ministru Chris Fearne

L-Assoċjazzjoni Maltija li tirrappreżenta lit-tobba (MAM), fi stqarrija, kkundannat il-protest ġuddizjarju “bla sens u bla bażi” li tressaq il-Qorti lbieraħ kontra l-Professur Charmaine Gauci u l-Ministru Chris Fearne.

Il-MAM insistiet li jekk jitneħħew il-miżuri bħalissa, kif qed jitlob dan ir-rapport, ikun hawn “diżastru sħiħ fis-saħħa pubblika,” u saħansitra ħeġġew lill-kabinett u lill-Prim Ministru biex jiddikjaraw emerġenza tas-saħħa pubblika.

It-tobba insistew li l-Professur Gauci u anke l-Ministru Fearne għandhom bażi akkademika b’saħħitha u huma rrispettati ħafna mill-professjoni medika, kemm għall-kompetenza u anke għall-integrità tagħhom.

“Warajhom għandhom tim kwalifikat ħafna,” saħqu t-tobba.

Komplew jisħqu kif filwaqt li n-numri tal-Covid-19 u anke l-imwiet għadhom għolja, il-miżuri kollha li ttieħdu sa issa għandhom warajhom evidenza xjentifika b’saħħitha biex tiġġustifikahom.

Għalhekk saħqu li ma jagħmilx sens l-argument tal-protest ġudizzjarju li qed jisħaq li l-miżuri ma għandhom l-ebda bażi xjentifika.

Dwar l-argument tal-grupp li qed jisħaq li l-miżuri qed jiksru d-drittijiet tal-bniedem, it-tobba saħqu li l-liġijiet kollha dwar is-saħħa pubblika, fil-pajjiżi Ewropew, jippermettu s-sospensjoni temporanja tad-drittijiet tal-libertà tal-persuna jekk dan isir biex ikun ikkontrollat theddid għas-saħħa pubblika, bħal fil-każ tal-Covid-19.

It-tobba saħansitra saħqu li skont esperti mediċi, hemm bżonn li jittieħdu miżuri restrittivi ulterjuri.

Propju għalhekk li talbu lill-Gvern biex jiddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika.

More in Politika