Protest ġudizzjarju jakkuża lil Charmaine Gauci li qed toħloq 'paniku nazzjonali'

Grupp ta’ persuni, meqjusa “xettiċi” dwar il-Covid-19 qed jitolbu għat-tneħħija ta' restrizzjonijiet li fi kliemhom qed jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuna

Grupp ta’ persuni, meqjusa “xettiċi” dwar il-Covid-19, fetħu protest ġudizzjarju kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, jisħqu li qed jinħoloq “paniku nazzjonali” bla ġustifikazzjoni dwar il-każi tal-coronavirus.

Fil-fatt, il-protest ġudizzjarju, li jeħodha wkoll kontra l-ilbies tal-maskri, qed jisħaq li mingħajr dikjarazzjoni ta’ Stat ta’ Emerġenza, ir-restrizzjonijiet imposti huma illegali.

Il-Grupp saħansitra qed jakkuża lil Charmaine Gauci li falliet milli tinforma lill-pubbliku, b’mod trasparenti, jekk il-persuni li mardu bil-Covid-19, kinux qed isofru minn sintomi serji.

Saħqu illi li kieku għamlet dan, Gauci kienet tkun qed tagħti stampa aktar realistika tas-sitwazzjoni nazzjonali waqt li akkużawha li qed toħloq “paniku nazzjonali,” u li l-aħħar li nħass bħalu kien “fit-Tieni Gwerra Dinjija.”

Fil-fatt, fi kliemhom, il-Covid-19 mhuwiex aktar serju mill-influwenza u mard ieħor u fil-każ ta’ dan il-mard, id-Dipartiment tas-Saħħa qatt ma jippubblika informazzjoni kuljum dwar kemm persuni jkunu mardu jew mietu.

Propju għalhekk li l-protest ġudizzjarju qed jappellaw lil Gauci biex tirrevoka deċiżjonijiet, li fi kliemhom, ma jagħmlux sens u jiksru d-drittijiet fundamentali tal-persuna, fosthom l-użu tal-maskri fil-pubbliku.

Fi kliemhom, il-maskra qed ikollha jew se jkollha effetti sekondarji għax persuna mhux qed tieħu biżżejjed arja friska li hija bżonnjuża biex tibni sistema immunitarja li tiġġieled il-mard.

Qed jopponu wkoll “miżuri drastiċi” dwar id-distanza soċjali u li, fi kliemhom, minħabba fiha, persuni qed ikunu mċaħħda mill-għeżież tagħhom fl-aħħar jiem ta’ ħajjithom.

Dan minkejja li studji xjentifiċi juru li dawn iż-żewġ miżuri, jiġifieri l-użu tal-maskri u d-distanza soċjali huma l-aktar miżuri importanti u effettivi fil-ġlieda kontra l-Covid-19.

Iridu wkoll li jiġu rrevokati l-miżuri li ttieħdu biex jingħalqu l-clubs u anke biex ikunu ppubblikati l-istudji kollha xjentifiċi dwar l-istrateġija tal-Covid-19, addottati mid-Dipartiment tas-Saħħa.

Il-protest jikkritika wkoll it-testijiet u saħansitra huma xettiċi dwar kemm uħud mill-persuni li rriżultaw pożittiv għall-virus, kienu verament morda. Hawn għamlu referenza għall-persuni li rriżultaw pożittiv għall-virus, anke jekk bla sintomi.

Saħansitra qed jopponu wkoll is-saħħa li għandha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

More in Politika