Filmat | 'Aħna mhux partit tal-paroli u li nipproteġu lil ħbieb tal-ħbieb' - Grech iwieġeb dwar Azzopardi

Bernard Grech ikkonferma li saret talba biex tkun magħrufa l-pożizzjoni ta' kull kandidat dwar jekk dawn qattx aċċettaw rigali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li mhux se jkun qiegħed jikkummenta dwar il-każ ta' Jason Azzopardi sakemm għaddejja l-investigazzjoni dwaru mill-organi tal-Partit Nazzjonalista.

Meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, dwar dak li żvelat il-gazzetta ILLUM dwar Jason Azzopardi u l-ħlas tal-kamra fil-lukanda Hilton ta' Tel Aviv minn Tumas Group, Grech saħaq kif minkejja li kien hemm min saħaq li hu kien il-kandidat ta' Jason Azzopardi, fi żmien l-elezzjoni għall-Kap, il-Partit Nazzjonalista issa wera li lest jinvestiga lil kull min ikollu dell fuqu.

"Jidher ċar li aħna mhux partit tal-paroli, tal-impunità, li nipproteġu lill-ħbieb tal-ħbieb. Aħna partit ta' azzjoni," insista Grech. 

Fakkar li kien Azzopardi li ssospenda lilu nnifsu u talab li jkun investigat mill-organi tal-partit. 

Mistoqsi jekk staqsix lill-bqija tal-Grupp Parlamentari dwar jekk kienx hemm min aċċetta rigali min-negozjanti, Grech saħaq li huwa fl-interess tiegħu u tal-partit li jkun assigurat li huma qed iwettqu dak li jemmnu fih u kkonferma li saret talba biex tkun magħrufa l-pożizzjoni ta' kull kandidat.

Dwar jekk kienx jaf bil-każ ta' Jason Azzopardi u jekk kellux ikeċċih, Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista jemmen li persuna għandha dritt twieġeb u tiddefendi lilha nnifisha u għalhekk mhux se jikkummenta sakemm tkun lesta l-investigazzjoni.

Bernard Grech insista li hu jrid li d-Deputati tiegħu jkunu liberi li jagħmlu xogħolhom. Insista li se jkun hemm min jipprova jikkomprometti lid-Deputati, għax dawn affarijiet li jiġru.

"Jekk se nippretendu li kulħadd huwa verġni aktar mill-Papa se nkunu naive iżżejjed," insista Grech. "Ir-realtà hija li meta aħna nippretendu li nimxu b'ċertu mod, irridu nipprattikaw dak li nemmnu fih. Jekk ikun hemm tixħim li jista' jostakola l-ħidma ta' xi ħadd, l-azzjoni se tittieħed u se ssir investigazzjoni."

Azzopardi baqa' għaddej bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ma ħalla lil ħadd jikkompromettih

Grech faħħar l-esperjenza ta' Jason Azzopardi u l-fatt li fi kliemu għamel ħafna ġid u huwa għalhekk li l-Partit Laburista jattakkah, iżda saħaq li minkejja kollox hemm proċeduri li jgħoddu għal kulħadd u li dawn iridu jsiru. 

"Irridu napprezzaw li fiċ-ċirkostanzi kollha u minkejja kollox, Azzopardi baqa' għaddej bil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u ma ħalla lil ħadd jikkompromettih," insista Grech. 

More in Politika