Aġġornata┃Fl-2017 Jason Azzopardi mar il-Hilton ta’ Tel Aviv u ħallaslu l-kamra Tumas Group

Waqt il-programm Xtra tal-Ħamis li għadda Azzopardi qal li ma jiftakarx li ħa xi ħaġa mingħand Tumas Group - Jirreaġixxi u jgħid illi dan il-ħlas ma ħoloq ebda obbligazzjonijiet

Numru ta’ stejjer fuq min siefer, kiel jew iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, jistgħu jimbarazzaw ukoll għadd ta’ persuni li qed jisfidaw u jisparaw bl-addoċċ kontra esponenti oħra viċin l-eks Kap Eżekuttiv ta’ Tumas Group.

Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela li l-Avukat u d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista, Jason Azzopardi, li kkritika kemm-il darba lil dawk li kienu viċin Yorgen Fenech, mhux biss ma ddejjaqx juża s-servizzi ta’ Tumas Group, imma b’mod regolari uża servizzi tal-lukanda Hilton b’xejn għax kellu kollox imħallas minn Tumas Group.

Fost oħrajn, Azzopardi għamel ħamest ijiem, bejn id-19 u l-24 ta’ Marzu tal-2017, fil-lukanda Hilton ta’ Tel Aviv. Azzopardi kellu l-kamra tiegħu mħallsa.

Il-gazzetta ILLUM rat b’għajnejha evidenza irrifjutabbli ta’ dan il-ħlas li gawda minnu Azzopardi.

Waqt il-progamm Xtra ta’ nhar il-Ħamis li għadda, Jason Azzopardi qal li sakemm jiftakar sew, ma kien ħa xejn minn Tumas Group u enfasizza li hemm differenza kbira bejn dak li seta’ ġara qabel Novembru 2018 u wara li ħarġet l-istorja li l-kumpanija 17 Black kienet fil-fatt ta’ Yorgen Fenech.

Fl-aħħar jiem, Azzopardi kkritika bl-aħrax lil Joe Cuschieri, Kap Eżekuttiv tal-MFSA, talli kien aċċetta safra ma’ Yorgen Fenech biex imur Las Vegas.

Din is-safra seħħet f’Mejju tal-2018, sitt xhur qabel l-aħbar ta’ 17 Black.

Jikkonferma li l-lukanda tħallset imma jgħid li hu qatt ma kellu ebda obbligazzjonijiet lejn Fenech - Jason Azzopardi jirreaġixxi

"Yorgen Fenech lili qatt ma tani xejn.  Jien lil Yorgen Fenech qatt ma tlabtu xejn, la qabel Novembru 2018 meta sar maghruf li hu s-sid ta' 17 Black, u lanqas  wara.   Nikkonferma li f’Lulju 2017  - sena u nofs qabel sar maghruf min hu s-sid ta' 17 Black -   jien kellimt lil Ray Fenech (li kont naf) u staqsejtu jekk setax jghini insib Lukanda f’Tel Aviv ghax kelli problema li ma stajt insib imkien u kelli tieġ hemmhekk. Biex ma ntawwalx, sabli u kien biss meta kont qed naghmel check out li r-receptionist qaltli li it had been taken care of." 

Hekk irreaġixxa Azzopardi għal din l-istorja li kompla jgħid ukoll illi hu qal lil Fenech li ma stennihiex din pero malli wasal Malta, "xtrajtlu rigal minn ħanut tal-fidda u mort bih ir-reception tal-uffiċju tieghu f’Portomaso (jien qatt ma dhalt ‘l hinn) u hallejtulu fir-reception b’nota ta’ ringrazzjament biex ma jkolli ebda obbligazzjoni."

Azzopardi sostna illi tant ma għandu ebda obligazzjoni li hu ħadha qatta' bla ħabel pubblikament kontra dak li sejjaħ "il-korruzzjoni ta' Yorgen Fenech."

Fil-fatt, aktar tard, l-istess Azzopardi kiteb lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, biex jinvestigah u jiddikjara jekk kienx hemm xi ksur ta' etika min-naħa tiegħu.

More in Politika