Filmat | 'Jekk jaf min jaqbad u jgħid'; Il-Ministru Abela jiċħad li Jason Azzopardi kien qed jirreferi għalih

Id-Deputat Jason Azzopardi qed jallega li l-Koħħu qal lill-Pulizija li Ministru li mhuwiex avukat, fil-kabinett ta' Robert Abela kien involut fis-serqa tal-HSBC fl-2010

Il-Ministru Carmelo Abela ċaħad "kategorikament" li l-allegazzjonijiet li għamel Jason Azzopardi dwar is-serqa mill-kwartieri tal-HSBC fl-2010 kienu b'xi mod qed jirreferu għalih. Saħansitra stieden lil Azzopardi biex jgħid ċar u tond għal min qed jirreferi.

Nhar is-Sibt li għadda, id-Deputat Jason Azzopardi allega li Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galzia, qal lill-Pulizija li Ministru li mhuwiex avukat, fil-kabinett ta' Robert Abela, kien involut fis-serqa tal-HSBC fl-2010. Il-Koħħu għadda u qed jgħaddi informazzjoni lill-Pulizija bit-tama li jingħata l-maħfra presidenzjali.

Carmelo Abela huwa wieħed mid-disa' Ministri li mhuwiex Avukat u qabel l-2013 kien ukoll Maniġer tal-HSBC.

Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta' MaltaToday, Carmelo Abela insista li dak li qal Azzopardi jibqgħu sempliċiment allegazzjonijiet.

Waqt li ċaħad li l-allegazzjonijiet kienu qed jirreferu għalih, Carmelo Abela qal li jekk jaf xi ħaġa, Azzopardi għandu jitkellem b'mod dirett u ċar u mhux joqgħod idur mal-lewża.

"Jiena niċħad b'mod kategoriku li dik l-istorja qed tirreferi għalija. Jekk hemm xi ħadd qed jagħmel allegazzjonijiet tajjeb li jitkellem b'mod ċar ħalli nikkunsidra l-pożizzjonijiet, inkluż legali fuq dak li qed jingħad," insista Abela. "Dan il-logħob għandu jieqaf. Jekk għandu xi evidenza qed inħeġġu biex isemmi l-isem. Jekk qed jirreferi għaliha, nagħmilha ċara li lest nieħu l-passi legali għax mhu se nħalli lil ħadd iħammeġ l-integrità tiegħi u tal-familja tiegħi."

Aqra wkoll:

More in Politika