'Ma jirriżultalix li fil-Kabinett hemm kriminali'; Abela jakkuża lil Jason Azzopardi li qed iwettaq reat serju

Il-Prim Ministru Robert Abela jisħaq li se jiddeċiedi mhux fuq dak li jgħid Azzopardi imma fuq dak li jgħidlu l-Kummissarju

Il-Prim Ministru Robert Abela naqas milli jagħti dettalji dwar rapport li wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Vince Muscat, semma Ministru bħala persuna mdaħħla fis-serqa tal-HSBC tal-2010 u li tagħha huwa wkoll suspettat ewlieni.

F’kummenti lill-ġurnalisti quddiem Kastilja, il-Prim Ministru dawwar l-attenzjoni fuq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u insista li dan qed ixekkel il-ħidma tal-Pulizija bl-istqarrijiet tiegħu.

Nhar is-Sibt li għadda, fuq 103, Azzopardi qal li l-Koħħu, meta kien qed jitkellem mal-Pulizija, semma Membru tal-Kabinett, li mhuwiex Avukat u li għen biex setgħet saret is-serqa mill-kwartieri tal-HSBC fl-2010.

Muscat qed jipprova jgħaddi informazzjoni lill-Pulizija bil-għan li jingħata l-maħfra presidenzjali. 

Id-Deputat Nazzjonalista insista li l-Prim Ministru Abela ilu minn Marzu jaf b’dawn l-allegazzjonijiet.

Iżda l-Prim Ministru insista li l-informazzjoni li għandu tista’ tkun differenti minn dik li waslet għand Azzopardi. Madanakollu, la ċaħad u lanqas ikkonferma jekk ir-rapporti li ħarġu fl-aħħar jiem humiex minnhom.

“Dak li qal Jason Azzopardi mhux neċessarjament huwa dak li ntqal lili... Jiena naġixxi meta l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi għandi u jgħidli li hemm lok biex nieħu ċertu deċiżjonijiet. Mhux se nieħu deċiżjonijiet fuq il-kompożizzjoni tal-Kabinett ibbażati fuq dak li Deputat jgħid fuq programm tar-radju,” insista Abela.

Innutaw kif il-Prim Ministru llum MA CAHADX iz-zewg ahbarijiet li qed jiddominaw illum u ilbierah li: a) ex ufficjal u...

Posted by Jason Azzopardi on Sunday, 1 November 2020

Minkejja dan, Abela naqas milli jagħti aktar dettalji u insista li jekk jagħmel hekk ikun qed jostakola l-ħidma tal-Pulizija.

Insista li b’dak li għamel Azzopardi, meta kixef dettalji kunfidenzjali, kiser il-Kodiċi Kriminali. 

“Potenzjalment qed iwettaq reat serju meta qed jikxef informazzjoni li allegatament għandu u qed ifixkel u jimmina l-investigazzjonijiet tal-Pulizija,” insista Abela. 

“Ma jirriżultalix li fil-Kabinett hemm kriminali. Jekk jirriżultali hekk, kif ħadt deċiżjonijiet se nkun qed neħodhom, anke jekk dawn ikunu deċiżjonijiet li jweġġgħu,” insista Abela. 

More in Politika