'Sa issa ma kienx hemm trasmissjoni tal-virus bejn it-tfal fl-iskejjel' - Charmaine Gauci

Kien hemm diversi każi ta' membri tal-istaff li rriżultaw pożittivi u clusters żgħar ta' trasmissjoni bejn edukaturi

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, saħqet li sa issa, fl-iskejjel ma kienx hemm trasmissjoni tal-Covid-19 bejn it-tfal.

Waqt li kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti waqt il-bulettin mediku ta' kull nhar ta' Ġimgħa, Gauci saħqet li l-iskejjel huma post tax-xogħol u bħal kull post tax-xogħol ieħor hemm riskju.

Fil-fatt, ikkonfermat li kien hemm diversi skejjel fejn irriżulta li kien hemm membri tal-istaff li huma pożittivi.

Kien hemm ukoll, kompliet tispjega, ftit clusters żgħar bejn l-edukaturi infushom.

Madanakollu, insistiet li sa issa, ma kienx hemm trasmissjoni bejn it-tfal.

"Mhux qed ngħidu li din ma tistax tiġi. Għalhekk importanti li nsegwu l-miżuri," insistiet Gauci.

Kien hawn li appellat lill-ġenituri biex meta uliedhom ikunu ma jifilħux ma jibagħtuhomx l-iskola u mill-ewwel jagħmlu kuntatt mat-tobba tagħhom.

Aqra wkoll:

 

More in Politika