12-il persuna bil-Covid-19 fl-ITU; 121 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa

Apparti dawk fl-ITU hemm ukoll 70 pazjent ieħor li qed jingħataw il-kura fl-isptarijiet

12-il persuna li għandhom il-Covid-19 jinsabu rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei, filwaqt li fl-isptarijiet, apparti dawk fl-ITU, hemm total ta' 70 pazjent ieħor.

Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci waqt il-bulletin mediku ta' kull nhar ta' Ġimgħa. 

Intant, fl-aħħar 24 siegħa, instabu 121 każ ġdid ta' Covid-19 minn fost 2,685 test.

Apparti minn hekk, fiequ 55 persuna oħra biex issa l-każi attivi huwa ta' 1,770. 

F'Għawdex hemm total ta' 44 persuna bil-Covid-19.

L-età medja tal-persuni infettati bil-Covid-19 hija dik ta' 38 sena. Il-Professur Gauci insistiet li s-sitwazzjoni fid-djar tal-anzjani issa hija waħda tajba ħafna, fejn anke jekk għadu jkun hemm xi każi iżolati, dawn qed ikunu kkontrollati minnufih, fejn anzjani infettati, qed jinħarġu mid-djar.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat li l-akbar ammont ta' każi qed ikunu dawk marbuta mad-djar privati, fejn persuna tieħu l-virus mill-komunità u mbagħad tifirxu fost il-persuni li jgħixu magħha. Għalhekk appellat dwar l-importanza li l-virus jinqabad kmieni biex il-persuni infettati jkunu iżolati, anke fid-djar tagħhom stess.

Apparti minn hekk, kompliet tispjega Charmaine Gauci, qed ikun hemm diversi każi fuq il-post tax-xogħol u għalhekk appellat biex fejn possibbli jkun introdott it-teleworking u fejn dan mhux possibbli, ikunu introdotti miżuri ta' mitigazzjoni fosthom id-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra.

Dwar it-testijiet, Gauci qalet li hemm domanda kbira anke fost persuni li jkunu ġew f'kuntatt dirett ma' persuni infettati. Insistiet li anke jekk dawn ma jkollhomx sintomi, il-parir huwa li jagħmlu swab test bejn ħamest ijiem u sebat ijiem wara li kellhom kuntatt ma' persuni infettati.

Waqt li saħqet li r-rata tat-tixrid fil-komunità hija waħda "għolja," is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appellat biex kulħadd isegwi l-miżuri ta' mitigazzjoni, jiġifieri d-distanza soċjali, inkluż fuq il-postijiet tax-xogħol. Appellat biex l-imwejjed ikunu żewġ metri 'l bogħod minn xulxin u fakkret li issa anke fuq il-postijiet tax-xogħol, l-ilbies tal-maskri huwa obbligatorju.

Dwar attivitajiet soċjali, Gauci appellat biex anke meta wieħed jistieden persuni d-dar, jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji.

Aqra wkoll:

Tilbisx visor mingħajr maskra ... linji gwida ġodda mill-awtoritajiet tas-saħħa

Nuqqas ta' infermiera u Covid-19: Ikkanċellati mal-50 operazzjoni kuljum biex l-ITU tlaħħaq

More in Politika