Tilbisx visor mingħajr maskra ... linji gwida ġodda mill-awtoritajiet tas-saħħa

Il-linji gwida ġew ippubblikati hekk kif min-nhar is-Sibt li għadda, l-ilbies tal-maskri jew visor sar mandatorju kullimkien ħlief għal xi eċċezzjonijiet

Fil-linji gwida maħruġa mill-Uffiċċju tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, dwar l-ilbies tal-maskri, l-użu tal-visors mingħajr il-maskra mhuwiex irrakkomandat u dan għax ma hemmx biżżejjed evidenza li turi li l-ilbies tal-visors huwa effettiv daqs il-maskra.

Il-linji gwida ġew ippubblikati hekk kif min-nhar is-Sibt li għadda, l-ilbies tal-maskri jew visor sar mandatorju kullimkien, malli persuna tirfes l-għatba tal-bieb tad-dar 'il barra u dan bil-għan li tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19.

Fil-fatt, il-linji l-gwida jisħqu li fejn possibbli, il-preferenza għandha tingħata lill-maskri għax dawn huma aktar effettivi. Din kienet l-ewwel darba li l-awtoritajiet tas-saħħa ħadu din il-pożizzjoni dwar il-visors.

Minkejja dan, l-awtoritajiet tas-saħħa spjegaw kif f'każi fejn l-użu tal-maskri mhuwiex prattiku, bħal pereżempju f'każ ta' tfal bi bżonnijiet speċjali, il-visors jistgħu jkunu alternattiv għall-maskri.

Min-nhar is-Sibt li ġej, kull persuna li tinqabad mhux liebsa l-maskra jew visor se tingħata multa ta' €100. Jekk il-multa titħallas minnufih, din tinżel għal €50. 

Min jista' ma jilbisx il-maskra?

  • Tfal li għandhom tliet snin jew inqas
  • Persuni li għandhom kundizzjonijiet fiżiċi, mentali jew respiratorji li jsibuha diffiċli jilbsu l-maskra. Dawn għandu jkollhom karta ffirmata mit-tabib tagħhom u jżommuha magħhom il-ħin kollu.

Meta tista' titħenna l-maskra?

  • Tfal fil-kindergarten waqt li qegħdin fil-klassi
  • Waqt attivitajiet fiżiċi
  • Meta tkun qed titkellem ma' persuna li għandha problema bis-smigħ u għalhekk ikollha bżonn tħares lejn ix-xufftejn
  • Meta persuna tkun qed tindirizza lil pubbliku u dan sakemm tinżamm distanza ta' żewġ metri bejn il-kelliem u l-bqija (Għalliema fl-iskejjel, fl-universitajiet u anke f'istituzzjonijiet oħra edukattivi għandhom jibqgħu dejjem bil-maskra)
  • Meta persuna tkun mitluba tagħmel dan għal raġunijiet ta' identifikazzjoni bħal fil-banek jew inkella fl-ajruport jew il-portijiet
  • Biex tirċievi trattament mediku jew kożmetiku fil-wiċċ
  • Biex tieħu l-mediċina
  • Meta tkun bilqiegħda fi stabbiliment li jservi l-ikel u x-xorb
  • Meta qiegħed waħdek jew ma persuni li tgħix magħhom f'karozza privata

More in Politika