Yorgen Fenech b'rikors biex mill-mowbajl tiegħu tintagħżel biss informazzjoni relevanti għall-każ

Jisħaq li hemm informazzjoni oħra li tirrigwardja ċittadini privati u li ma għandhomx x'jaqsmu mal-każ u li din ma għandhiex tispiċċa fuq il-midja

L-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, ippreżenta rikors biex il-Qorti tassigura li mill-mowbajl tiegħu tintagħżel biss l-informazzjoni relevanti għall-każ u li dan il-proċess isir quddiem numru limitat ta' persuni mill-prosekuzzjoni, id-difiża u l-familja ta' Daphne Caruana Galizia.

Fir-rikors, iffirmat mill-Avukati ta' Fenech, Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, l-akkużat ifakkar f'dak li kienet żvelat il-gazzetta ILLUM u li kkonferma l-Ispettur Keith Arnaud, jiġifieri li fi żmien li ġej, uffiċjali tal-Europol se jkunu qed jippreżentaw informazzjoni mill-mowbajl tiegħu.

Ir-rikors jisħaq li din l-informazzjoni tikkontjeni affarijiet ta' terzi li huma ċittadini privati u li ma għandhomx x'jaqsmu mal-każ.

"Ma jkunx fl-interess tal-ġustizzja u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali li din l-informazzjoni b'xi mod jew ieħor tiġi żvelata lill-istampa lokali bie preġudizzju għad-dritt tal-ħajja privata ta' dawn it-terzi persuni," jgħid ir-rikors.

Ta' min ifakkar li l-gazzetta ILLUM żvelat kif il-Europol għandha f'idha eluf ta' Whatsapp Chats, fosthom aktar minn 2,000 Whatssapp chat ma' membru tal-Kabinett (preżenti), aktar minn 800 messaġġ ma' Keith Schembri u oħrajn ma' Pierre Portelli, l-eks Kap tal-Midja tal-PN.

Ir-rikors jisħaq li fil-gazzetta lokali kien hemm leaks ta' informazzjoni mill-mowbajl ta' Yorgen Fenech u dan bi ksur ta' drittijiet tiegħu.

Għalhekk, kif ġara fil-każ tal-mowbajl ta' Melvin Theuma (l-intermedjarju), Fenech qed jitlob li jkun hemm 'data room' li għaliha jingħataw aċċess biss numru limitat ta' persuni biex tintagħżel biss l-informazzjoni li hija relevanti għall-każ.

Min-naħa tagħha, il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li r-rikors jgħaddi għand l-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-familja Caruana Galizia biex fi żmien tlett ijiem jibagħtu r-risposta tagħhom.

More in Politika